Kien hemm tnaqqis notevoli fin-numru ta’ karti tal-flus tal-ewro foloz li ġew irrapportati lill-Bank Ċentrali ta’ Malta fl-ewwel nofs tal-2017.
L-ammont totali ta’ 422 karta tal-flus falza rtirati miċ-ċirkolazzjoni kien 34% inqas minn dak irtirat fis-sitt xhur ta’ qabel (Lulju sa Diċembru 2016), u inqas ukoll mill-ammont irrapportat fl-istess perjodu tal-2016 (Jannar sa Ġunju 2016).
Meta mqabbel mal-għadd ta’ karti tal-ewro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f’Malta (medja ta’ ftit aktar minn 10.39 miljun fl-ewwel sitt xhur tal-2017), il-proporzjon ta’ karti tal-ewro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.13%) bħala proporzjon tal-ammont totali tal-karti tal-flus foloz maqbuda fiż-żona tal-ewro kollha kemm hi matul l-istess perjodu, li jammonta għal 331,000 karta tal-flus.
Mill-karti kollha tal-flus tal-ewro foloz maqbuda f’Malta matul l-ewwel nofs tas-sena, id-denominazzjonijiet tan-nofs baqgħu l-iktar karti ffalsifikati, bil-karti tal-€20 u tal-€50 jammontaw għal 73.5% tat-total tal-flus foloz maqbuda. Matul dan il-perjodu, il-proporzjon tal-€20 u tal-€50 żdied, filwaqt li dak tal-€10 naqas minn 36.9% fis-sitt xhur ta’ qabel għal 17.3% matul dan il-perjodu.
Il-Bank jixtieq ifakkar lill-pubbliku li l-karta ġdida tal-€50, bil-karatteristiċi innovattivi tagħha ta’ sigurtà, ġiet imnedija fl-4 ta’ April 2017. Il-manifatturi tat-tagħmir tal-karti tal-flus ser ikomplu jirċievu sapport mill-Eurosistema fl-adattament tal-magni u t-tagħmir tagħhom għall-awtentikazzjoni għall-karta ġdida tal-flus. Jekk it-tagħmir tagħhom għadu ma jistax jaċċetta din il-karta tal-flus, l-operaturi jew is-sidien għandhom jikkuntattjaw lill-fornituri jew lill-manifatturi tagħhom mingħajr dewmien.
Minkejja llivell baxx ta’ flus foloz irrapportati lokalment, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jibqa’ jwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat-test “FEELLOOKTILT” kif spjegat fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-paġna www.centralbankmalta.org/mt/eurobanknotescounterfeitnotes. Il-Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta’ għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista’ teħtieġ din l-assistenza.
Kull min jirċievi karta tal-flus suspettuża għandu jċempel lill-Pulizija fuq 2294 2120 jew lillBank Ċentrali ta’ Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email lillBank fuq nccmt@centralbankmalta.org.