Hekk kif ninsabu f’nofs l-istaġun tal-lampuki, ċifri maħruġa mill-Aġenzija Maltija għall-Ikel qed juru li kien hemm tnaqqis drastiku fil-qabdiet ta’ din il-ħuta.
Dan hekk kif din is-sena, minn Awwissu sa Ottubru, kien hemm ftit inqas minn 76,000kg f’qabdiet ta’ din il-ħuta tant maħbuba fil-kċina Maltija.
Meta wieħed iħares lejn l-istaġun tas-sena li għaddiet, fl-2023 kien irrapportat li kien hemm qabda totali ta’ 376,000kg f’lampuki – bl-istaġun bħal kull sena mistenni jagħlaq f’Diċembru.
Snin preċedenti juru kif l-istaġun kien ta’ aktar suċċess hekk kif fl-2021 kien hemm qabda totali ta’ 430,000kg ta’ lampuki.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat kif din hi realtà li qed jiffaċċja s-settur tas-sajd tal-lampuki u kif jaf ikun fenomenu tat-tibdil fil-klima li jeħtieġ aktar studju mill-qrib biex wieħed ikun jista’ jifhem x’wassal għal dan.