Malta kienet fost grupp żgħir fl-Unjoni Ewropea, magħmul minn sitt pajjiżi oħra biss, fejn il-piż tat-taxxi naqas fl-2015. Fil-fatt, stqarrija tal-Eurostat turi kif f’Malta l-piż tat-taxxi naqas b’0.4% tal-ġid nazzjonali. B’kuntrast, fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm żieda ta’ 0.2%.
Fi stqarrija l-Gvern innota li l-istatistika tal-Eurostat tikkonferma li f’Malta l-piż tat-taxxi fuq id-dħul tal-familji huwa ta’ 6.8%, imqabbel mal-medja Ewropea ta’ 9.4%. Dan jirrifletti fost l-oħrajn it-tnaqqis fir-rati ta’ taxxa fuq id-dħul li wettaq il-Gvern preżenti b’mod kostanti matul din il-leġislatura.
Fl-istess ħin il-piż tal-bolla f’Malta huwa kważi nofs il-medja Ewropea. Dan jispjega għalfejn f’pajjiżna kellna għal tliet snin konsekuttivi l-ogħla tkabbir fl-impjiegi minn fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Is-suċċess ta’ pajjiżna f’dan il-qasam, li kien anke innotat fl-aħħar World Competitiveness Report, wassal biex pajjiżna kellu fost l-akbar titjib fil-kompetittività osservata s-sena li għaddiet.
Dan is-suċċess huwa mhedded mill-Oppożizzjoni li hija kommessa li ddaħħal piż ġdid ta’ bolla fuq il-ħaddiema u fuq min iħaddem permezz tal-iskema tas-second pillar pension. Il-politika tal-Oppożizzjoni favur tassazzjoni addizzjonali jista’ jkolha impatt qawwi u negattiv fuq id-dħul tal-Gvern minn taxxi fuq kumpaniji li bħalissa f’pajjiżna qed jiġġeneraw dħul ta’ 6.7% tal-ġid nazzjonali – l-ogħla fl-Ewropa.
Il-Gvern se jibqa’ kommess li ma jżidx piżijiet fuq id-dħul tal-ħaddiema, u li minflok ikompli jkabbar l-ekonomija u jtejjeb il-livell tal-għajnuna lil min verament għandu bżonn. It-tkabbir ekonomiku li qed jinħoloq permezz tal-politika tal-Gvern preżenti qed jgħin biex sena wara l-oħra jitnaqqas il-piż tat-taxxa u l-ġid jasal għand kulħadd.