Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha miri ambizzjużi sabiex tnaqqas il-ħela tal-ilma li jiġi prodott u distribut minnha.
Dan ikkonfermah ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Ivan Falzon.
Huwa stqarr: “Bħala priorità tagħna, il-Korporazzjoni se tibqa’ ffukata kif nipproduċu l-ilma u anki nqassmuh. Waħda mill-miri tagħna huwa li ma nipproduċux aktar milli għandna bżonn u nqassmuh bl-aktar mod effiċjenti.”
Rapport Ewropew dwar il-produzzjoni tal-Ilma kkonferma l-ħidma li diġà saret f’dan ir-rigward fejn Malta għandha fost l-anqas ħela ta’ ilma min-netwerk ta’ distribuzzjoni fost il-pajjiżi Ewropej u r-Renju Unit.
Falzon tenna: “Biex tipproduċi l-ilma għandek bżonn l-enerġija. Jekk tipproduċi iżjed milli għandek bżonn ifisser li hemm ħela. Dan aħna ma rriduhx.”
Tul l-2020, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma nediet ukoll pjan ta’ investiment ta’ mitt miljun ewro għat-tliet snin li ġejjin. Dan se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ilma li jasal għand il-konsumatur.
Falzon saħaq: “Dan qed nagħmluh ukoll b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta fejn flimkien qed intejbu ħafna min-networks tagħna, kemm tal-ilma u anki tad-drenaġġ.”
Apparti kwalità tal-ilma tajba, fost il-pajjiżi Ewropej u r-Renju Unit, il-familji Maltin qed iħallsu fost l-anqas f’kontijiet.
Filwaqt li familji fin-Norveġja, d-Danimarka, Franza u r-Repubblika Ċeka iħallsu fost l-ogħla kontijiet tal-ilma, il-familji Maltin qed iħallsu r-raba l-orħos kontijiet fost l-Ewropej kollha.