Marla Grech mietet wara li 12-il sena ilu kienet involuta f’inċident tat-traffiku meta kienet passiġġiera f’karozza.
It-tfajla Għawdxija kienet ilha f’koma għal dawn is-snin kollha u kienet sofriet mija fil-mija diżabilità permanenti.
L-inċident kien ġara fl-1 ta’ Marzu 2008 meta s-sieħeb ta’ Marla Grech, li dak iż-żmien kellha 15-il sena, kien qed iwassalha d-dar iżda huwa ħabat f’arblu tad-dawl.
Ħames snin ilu, is-sewwieq Jeffrey Vella nstab ħati li saq b’mod perikoluż u l-Maġistrat Paul Coppini kien ordnah iħallas €394,917 f’danni.
Il-ġenituri tal-vittma, Xavier u Celestina Grech kienu argumentaw li ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq mal-inċident ta’ binthom u missier Marla Grech kien anki tilef ix-xogħol biex ta’ kuljum imur iżur lil bintu l-isptar f’Malta.
Dak iż-żmien tal-inċident, Marla Grech kienet se tibda tagħmel l-o’levels u l-Qorti t’Għawdex kienet ikkalkulat id-dħul ta’ paga minima għal vittma fuq medda t’40 sena.
Intant, il-funeral ta’ Marla Grech se jsir nhar il-Ħamis 8 t’Ottubru fil-Bażilika tax-Xagħra fl-16:30.