Is-Sibt li għadda mietet tifla ta’ ħames snin fl-Isptar Mater Dei.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li għad irid jiġi stabbilit jekk dan il-każ għandux rabta mal-COVID-19 jew le, imma f’ġieħ it-trasparenza ta d-dettalji tal-każ minħabba rapporti mhux preċiżi li bdew jiċċirkolaw.
It-tifla kellha d-deni l-Ġimgħa filgħaxija u s-Sibt filgħodu l-kundizzjoni tagħha qelbet għall-agħar b’deni għoli.
Meta daħlet l-Isptar Mater Dei kienet f’kundizzjoni kritika ħafna, ġiet intubata u tpoġġiet fuq ventilatur fejn sarilha c-CPR għaliex qalbha kienet diġà waqfet.
Chris Fearne spjega li l-ewwel test kontra l-COVID-19 li sarilha mad-dħul tagħha l-isptar, irriżulta negattiv, imma meta reġa’ sar it-test bħala parti mill-investigazzjonijiet forensiċi, it-tieni wieħed immarka traċċi tal-mikrobu, minkejja li ma kienx hemm evidenza li l-virus kien attiv.
Qal, “L-ewwel swab test għall-COVID li kien sar meta t-tifla kienet għadha ħajja, kien negattiv. Eventwalment sar swab test ieħor minħabba l-eventwalità ta’ awtopsja possibbli, dan l-iswab test imbagħad ġie mildly reactive. Is-sinifikat jew le ta’ dan it-test għad irid jiġi stabbilit u fil-fatt issa l-inkjesta anki jekk ikun hemm bżonn anki permezz t’awtopsja jekk jiddeċiedu t-tobba forensiċi, toħroġ imbagħad jekk dal-każ kienx relatat jew le mal-COVID.”
Chris Fearne spjega li meta każ ikun reattiv, bħal ma kien fil-każ tat-tifla ifisser li x’aktarx, persuna tkun iltaqgħet mal-mikrobu b’mod ħafif jew inkella tkun fieqet, jew qed tfieq, mill-virus.
Bl-istess mod, kieku l-infezzjoni kienet qawwija, kien jimmarka wkoll.
Spjega, “Mil-laboratorji m’hemmx riżultat li huwa iva jew le, ikun hemm dawk li jgħidulhom concentrations differenti jiġifieri jekk inti għandek viral load qawwija jiġifieri għaddej mill-infezzjoni b’mod akut, ir-riżultat ikun li d-dilution tkun għolja jiġifieri l-concentration tkun baxxa.”
Il-Ministru tas-saħħa kkonferma li ma kienx hemm persuni mill-familja tat-tifla li ġew pożittivi għall-virus u qal li l-vittma ma kinitx qed tattendi Skola Sajf.
L-investigazzjonijiet biex tiġi stabbilita l-kawża eżatt tal-mewt għadhom għaddejjin, u jista’ jagħti l-każ li ssir awtopsja.
Id-Deputat Prim Ministru wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tat-tifla u appella għar-rispett lejn il-qraba taċ-ċkejkna.