Il-kantanta tal-grupp mużikali tal-pop, Sarah Harding, mietet fl-età ta’ disgħa u tletin sena wara li tilfet il-battalja kontra l-kanċer.
Harding kienet żvelat li kellha kanċer f’sidirha f’Awwissu tas-sena l-oħra, meta l-marda kienet infirxet f’partijiet oħra f’ġisimha.
Ommha Marie ħabbret il-mewt tagħha l-Ħadd filgħodu fuq Instagram, u ddeskrivitha bħala mara sabiħa u stilla.
Aktar kmieni din is-sena, Harding kienet qalet li t-tobba qalulha li mhux se tgħix biex tara Milied ieħor.
F’kitba fuq il-midja soċjali biswit ritratt ta’ bintha, l-omm kitbet li Harding baqgħet tiġġieled il-marda sal-aħħar ġurnata.
Hija rringrazzjat lil kulħadd għall-appoġġ li wera tul l-aħħar xhur li ssarraf f’saħħa u appoġġ għall-mara li kienet taf li hi maħbuba.