Kien għall-ħabta tal-erbgħa u għoxrin ta’ wara nofsinhar tat-Tnejn, x’ħin il-midja Taljana rrappurtat li l-kantanta u ż-żeffiena Raffaella Carrà mietet, fl-età ta’ tmienja u sebgħin sena.
Kien żewġha, il-korjografu Sergio Japino li ħabbar il-mewt ta’ Carrà.
Huwa qal kif Raffaella marret għall-ħajja aħjar u qal li kellha talent eċċeżzjonali.
Jisimha propju Raffaella Maria Roberta Pelloni u twieldet f’Bologna fit-tmintax ta’ Ġunju tal-elf disa’ mija tlieta u erbgħin.
Hija bdiet il-karriera tagħha fl-età ta’ disa’ snin, fejn ħadet sehem f’diversi telenovelli u films Taljani.
Fl-elf disa’ mija ħamsa u sittin, hija mxiet lejn l-Istati Uniti fejn hawnhekk iffirmat mat-20th Century Fox.
Carrà ppreżentant u żifnet f’diversi programmi Taljani.
Fl-1971 ħarġet il-kanzunetta famuża Tuca tuca.
Tul it-tmenijiet u d-disgħinijiet, Raffaella Carrà ppreżentat diversi programmi li kienu segwiti minn diversi Maltin.
Fost il-programmi li jibqgħu marbutin magħhha hemm ‘Carràmba! Che sorpresa’.
Ta’ min jgħid ukoll li hija ma kinitx magħrufa biss fl-Italja, imma wkoll fi Spanja u fl-Amerka Latina.
Riċentament fl-elfejn u ħdax, hija ħadmet ma’ Bob Sinclair fuq il-kanzunetta ‘Far l’Amore’, li kienet indaqqet kullimkien u daret mal-erbat irjiet tad-dinja.
Dik is-sena wkoll hija hija ppreżentat il-punti tal-Italja fil-Eurovision meta l-pajjiż irritorna f’dan il-festival.
Sfortunatament, Raffaella Carrà kienet marida iżda ma kinitx riedet turi dan il-fatt, sabiex tirrispetta lil ta’ madwarha.
Qabel mewtha, hija staqsiet sabiex ikollha tebut tal-injam sempliċi.
It-telfa ta’ Carrà xxukkjat lit-Taljani, fosthom diversi artisti li ħadmu magħha.
Fost dawn hemm Gianni Morandi u Patty Pravo, li sellmu l-memorja tagħha.