Tilfet ħajjitha persuna li kienet abbord titjira tat-Turkish Airlines minn Istanbul lejn il-Brażil u li tniżżlet Malta b’urġenza wara li kellha bżonn għajnuna medika.
It-titjira kellha bħala destinazzjoni l-ajruport ta’ Sao Paulo iżda kellha tbiddel id-direzzjoni tagħha ħesrem wara li l-persuna abbord kellha bżonn assistenza medika. Għal dik ir-raġuni, il-pilota għamel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta ftit qabel il-11am.
Malli l-ajruplan niżel Malta, waslet l-ambulanza iżda l-persuna ġiet iddikjarata mejta.
It-titjira ħalliet Malta biex tissokta fir-rotta tagħha lejn il-Brażil wara li saru l-kontrolli operazzjonali neċessarji.