Tħabbret il-mewt ta’ Maria Said, waħda mir-residenti ta’ Kemmuna.
Fuq il-paġna ta’ facebook ‘Festa Kemmuna’ ntqal li Maria Said ta’ disgħin sena mietet wara li għamlet ħajjitha kollha tgħix fuq il-gżira ta’ Kemmuna.
Bil-mewt ta’ Maria fadal biss tliet persuni li jgħixu b’mod permanenti fuq xiber art bejn Malta u Għawdex.
F’intervisti li ġieli tat, Maria Said kienet irrakuntat dwar tfulitha f’Kemmuna u kif kien hemm komunità ta’ madwar tmenin ruħ jgħixu fuq din il-gżira.
Saħansitra kien hemm skola li kienet taqdi l-ħtiġijiet edukattivi għall-komunità f’Kemmuna.
Ir-residenti li fadal fuq Kemmuna, jiġifieri Evangelista Buttigieg, Anġlu u Salvu Vella ta’ spiss jitkellmu dwar it-tibdil li għaddiet minnu din il-gżira li għandha storja ikkulurita sa minn żmien ir-Rumani.