Mietet Lorenza Spiteri minn Raħal Ġdid, l-anzjana li lura f’Marzu għalqet 105 snin.
Meta kienet ġiet intervistata minn ONE News f’għeluq sninha, Lorenza kienet l-ixjeħ persuna f’pajjiżna.
Lorenza twieldet fit-tnejn ta’ Marzu, 1913, b’hekk ifisser li hi twieldet ftit xhur qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija.Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Lorenza għexet l-Isla, fejn kien wieħed mill-aktar postijiet milquta bħal bqija tal-Kottonera u l-Port il-Kbir. Lorenza, żewġha u l-ħames uliedha kienu spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
Lorenza ma’ ONE News kienet irrakkontat kif kienu jagħmlu diversi sigħat fix-xelters jitolbu lil Alla biex jeħlishom min dawk l-attakki filwaqt li spjegat kif Malta għaddiet min faqar kbir.
Biex tgħin lil familja, Lorenza kellha ħanut tal-merċa u matul il-gwerra hija ħaslet il-ħwejjeġ tal-baħħara li kienu fil-port għal ftit xelini.
Barra li kellha ħamest ifal, Lorenza kellha 14-il neputi u kienet bużnanna ta’ tlieta.
Lorenza, baqgħet tgħix il-ħajja tagħha fil-komunità għaliex hija baqgħet tgħix fir-residenza tagħha flimkien ma’ uliedha u l-qraba tagħha.