Christa Formosa, it-tfajla ta’ 23 sena mill-Iklin li kmieni s-Sibt filgħodu kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Burmarrad, tilfet il-battalja mal-mewt.
Dan wara sigħat tiġġieled għal ħajjitha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Sigħat li matulhom kienu ħafna dawk viċin tagħha li ħallewlha messaġġi ta’ kuraġġ fuq il-profil tagħha fuq Facebook biex tibqa’ tiġġieled u żżomm soda.
Iżda jidher li dan ma kellux ikun id-destin għaż-żagħżugħa, li għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vettura li kienet qed issuq, qaċċtet siġra, u baqgħet dieħla f’arblu.
L-impatt tant kien qawwi li kien hemm bżonn l-assistenza ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex tinħareġ mill-karozza.
Hija ngħatat l-ewwel għajnuna minn tim mediku li wasal fuq il-post iżda ttieħdet l-Isptar b’ambulanza minħabba l-ġrieħi serji li sofriet.
Madanakollu l-kura li ngħatat ma kinitx biżżejjed hekk kif it-tfajla tilfet ħajjitha ftit sigħat wara.
Dwar il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxijja mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
http://www.one.com.mt/2018/03/11/il-mewt-ta-christa-tahsad-lil-bosta-kont-tfajla-bqalb-specjali/