Sorsi qrib l-isptar Mater Dei kkonfermaw ma’ One.com.mt li mietet il-mara ta’ 41 sena mil-Latvja li kienet involuta f’inċident ikrah tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, f’Għajnsielem.
Fl-inċident li seħħ fis-sigħat bikrin tal-ġimgħa li għaddiet, kienu involuti żewġ karozzi. L-ewwel karozza ta’ tip Daihatsu Terios, kienet misjuqa minn mara ta’ 36 sena min-Nadur u li fiha kien hemm ukoll Kanadiża ta’ 45 sena u tliet subien ta’ disa’, ħdax u erbatax-il sena, ħabtet ma’ Jago Geep misjuqa minn Norveġiż ta’ 43 sena li jgħix Kerċem. Riekba fuq din tal-aħħar kien hemm ukoll Amerikan ta’ 47 sena li jgħix ir-Rabat Għawdex, Ġermaniż ta’ 51 sena li jgħix ix-Xagħra, u l-mara li tilfet ħajjitha traġikament li kienet tgħix is-Swieqi.
Iż-żewġ subien ta’ 9 u 14-il sena gew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li t-tifel ta’ 11-il sena flimkien maż-żewġ nisa ta’ 36 u 45 sena rispettivament li kienu fil-vettura tal-għamla Daihatsu Terios sofrew minn ġrieħi ħfief.
Il-persuni li kienu riekba mal-vittma fit-tieni karozza lkoll sofrew ġrieħi gravi.
B’dan il-każ kienet infetħet inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Bridgette Sultana.