It-Tnejn tħabbret il-mewt tal-President tal-Partit Soċjalista fil-Greċja, Fofi Gennimata fl-età ta’ 57 sena.
Hija mietet fi sptar fil-kapitali Griega, Ateni wara li kienet qed tiġġieled mal-kanċer.
Aktar kmieni dan ix-xahar tħabbar li reġa’ ħarġilha l-kanċer u ddaħħlet l-isptar.
Dan hekk kif l-ewwel kanċer kien feġġ fl-2008.
Gennimata kienet ilha tmexxi lill-Partit Soċjalista mill-2015.
Fofi Gennimata kienet se tibqa’ f’dan l-irwol sa Diċembru li ġej hekk kif hemm elezzjoni interna sabiex ikun hemm President ġdid tal-Partit Soċjalista.
Bejn l-2009 u l-2011 hija kienet fil-Kabinet tal-Prim Ministru George Papandreaou, fejn serviet bħala Deputat Ministru tas-Saħħa u wara bħala Ministru għall-Edukazzjoni.