Tard illejla tħabbret il-mewt tal-kantanta popolari, Tina Turner, fl-età ta’ 83 sena.
Dan tħabbar fi stqarrija, fejn intqal li r-reġina tar-Rock ‘n’ Roll mietet fil-paċi wara marda twila f’darha, fl-Iżvizzera.
Anna Mae Bullock jew kif kienet magħrufa bħala Tina Turner twieldet fis-26 ta’ Novembru tal-1939, fl-Istati Uniti.
Hija bdiet il-karriera mużikali fl-aħħar tal-ħamsinijiet flimkien mal-eks raġel tagħha, Ike Turner.
F’dan iż-żmien Tina u Ike Turner ħarġu l-kanzunetti “It’s Gonna Work Out Fine”, “River Deep – Mountain High”, “Proud Mary” u “Nutbush City Limits”.
Imbagħad fit-tmeninijiet, Tina Turner iddominat ix-xena mużikali.
Fl-1984, Turner ħarġet l-album “Private Dancer”, li kien fih il-kanzunetta popolari “What’s Love Got to Do with It”.
B’din il-kanzunetta, Tina Turner rebħet Grammy Award għar-rekord tas-sena.
Is-suċċess ta’ Tina Turner kompla wkoll bil-kanzunetti “The Best”, “I Don’t Wanna Fight” u “We Don’t Need Another Hero”.
Fil-karriera tagħha, Turner rebħet tmien Grammy Awards u hija nkluża wkoll fir-Rock ‘n’ Roll Hall of Fame bħala artista solista.
Tul il-karriera impressjonanti tagħha, Tina Turner kellha wkoll rabta ma’ Malta, hekk kif kienet ġiet għall-kunċert f’pajjiżna, fit-30 ta’ Awwissu tal-1990.
Hija ħadet sehem ukoll f’bosta films: “Tommy”, “Mad Max Beyond Thunderdome” u anki “Last Action Hero”.
Fil-bidu tad-disgħinijiet, l-abbuż u l-vjolenza domestika li għaddiet minnu, Tina Turner, kien iddokumentat fi produzzjoni televiżiva ta’ Hollywood – b’din il-produzzjoni rebħet tliet Oscars.
Tina Turner iżżewġet lil Ike Turner fl-1962 u ddivorzjaw fl-1978. Imbagħad fl-2013, hija żżewġet lil Erwin Bach. Hija kienet omm ta’ erbat itfal.