Ilbieraħ tħabbret il-mewt tal-kantanta Irlandiża Linda Nolan fl-età ta’ 65 sena wara diversi snin tiġġieled il-marda tal-kanċer.
Linda flimkien ma’ ħutha Coleen, Maureen, Bernie, Denise u Anne magħrufa bħala The Nolans kienu popolari sew fil-qasam mużikali fl-aħħar tas-sebgħinijiet u fi snin tmenin speċjalment bis-suċċess tagħhom ‘I’m In The Mood For Dancing’.
Fuq is-sit X, ħutha ħabbru l-mewt tagħha fejn iddiskrivweha bħala ikona tal-mużika pop u raġġ ta’ tama li ffaċċjat kanċer inkurabbli b’kuraġġ, dinjità u determinazzjoni filwaqt li ispirat lil miljuni.
Hija mietet fil-15 ta’ Jannar fl-isptar mdawra minn ħutha.
The Nolans kien wieħed mill-aktar gruppi femminili ta’ suċċess f’kull żmien fejn kienu l-ewwel grupp Irlandiż li biegħu aktar minn miljun diska madwar id-dinja, kantaw f’diversi pajjiżi u qabżu it-tletin miljun diska f’bejgħ totali.
Apparti mill-karriera tagħha mużikali u fuq it-televiżjoni, Linda kienet strumentali sabiex inġabru aktar minn £20 miljun għall-diversi entitajiet filantropiċi fosthom Breast Cancer Now, Irish Cancer Society u Samaritans.