Tħabbret il-mewt tal-kantanta Carmen Tanti mill-grupp folkloristiku Greenfields, fl-età ta’ 75 sena.
Carmen kienet miżżewġa lil Joe Tanti, kantant ieħor tal-Greenfields. Kienet ukoll omm Clive u Myra.
Żgur li Carmen Tanti se tibqa’ mfakkra għas-sehem qawwi li tat lill-mużika bil-lingwa Maltija, fosthom b’kanzunetti popolari ferm bħal ‘Il-Karozzin’, ‘Iż-Żmien Għaddej’, ‘Il-Banda t’Indri’, u ‘Il-Vapur tal-Art’.
Il-grupp The Greenfields ġie ffurmat fl-1970 minn Carmen u żewġha Joe, li kien għadu l-għarus tagħha, u Charles Bajada, li miet għoxrin sena wara. Minn dakinhar ’l hawn Carmen u Joe baqgħu jkantaw fil-grupp huma t-tnejn flimkien.
Il-Greenfields kienu kantaw ukoll ma’ numru ta’ kantanti ta’ fama mondjali, fosthom Brotherhood of Man, The Platters, Rold Harris, kif ukoll Al Bano u Romina Power.
L-aħħar dehra televiżiva ta’ Carmen Tanti kienet proprju fuq l-istazzjon ONE, nhar is-Sibt li għadda, waqt il-programm ‘Arani Issa’ ppreżentat minn Joseph Chetcuti.
Fl-intervista, hija qalet li ma tbiddel xejn minn dak kollu li ġara f’ħajjitha, dejjem biswit żewġha, u wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li anki l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija familjari mal-kanzunetti tagħhom.
“Kienet sodisfazzjon kbir il-ħajja tagħna u għadhom sal-lum iċemplulna mill-iskejjel biex ikantaw id-diski tagħna u t-tfal ta’ tliet snin u erba’ snin il-Greenfields ma jafux min huma imma tismagħhom ikantaw ‘Il-Karozzin’ u ‘Il-Vapur tal-Art’, għandek sodisfazzjon.”
Kien hawn ukoll li Carmen u Joe kantaw għall-aħħar darba ‘Il-Karozzin’.