Tħabbret il-mewt tal-attriċi ta’ fama mondjali, Betty White, fl-età ta’ 99 sena.
White kienet maħbuba ferm għall-karattru qalbieni tagħha u li dejjem, kemm jekk f’irwol televiżiv u anke tul ħajjitha, tpoġġi tbissima fuq fomm dak li jkun.
Betty White kellha karriera mżewqa sew f’bosta rwoli televiżivi imma l-aktar wieħed li baqgħet l-aktar magħrufa għalih huwa dak fis-serje Golden Girls fl-irwol tagħha ta’ Rose.
Hi kienet mistennija tgħalaq il-100 sena fis-17 ta’ Jannar fejn saħansitra kienet diġá tat intervista dwar għeluq sninha li jmiss ma’ gazzetti Amerikani.
Storja li baqgħet f’moħħ dawk li jsegwuha hu meta lura fl-1954, hi rċeviet kritika qawwija wara li bħala mistieden fuq il-programm tagħha kellha lil Arthur Duncan, żeffien kbir ta’ karnaġġjon skur.
Biss wara l-kritika kollha li rċeviet, filwaqt li bosta ħasbu li se tiskuża ruħha, hi qaltilhom “I’m sorry. Live with it”, fejn marret kontra l-kurrent u tat lil Duncan aktar ħin televiżiv.
Betty White kienet ukoll magħrufa sew bħala bniedma li dejjem kienet tmur kontra n-norma u lesta biex tiġġieled favur dak li hu sewwa.