Tmintax-il persuna tilfu ħajjithom wara li x-xarabank li kienu fuqu ħabat ma’ trakk u nħakem min-nirien waqt li kien ghaddej fuq il-motorway A9 fin-Nofsinhar tal-Ġermanja.
Tletin persuna irnexxilhom jaħarbu min-nirien, iżda uħud minnhom jinsabu f’qagħda kritika. Ix-xarabank kien qed iġorr penzjonanti Ġermaniżi.
Ħelikopters tas-salvataġġ issejħu biex jgħinu lill-ħaddiema tal-emerġenza. Ix-xarabank kienet għadha qed taqbad sew meta waslu fuq il-post, filwaqt li għadu mhux ċar x’wassal biex seħħet il-habta.
Kien irrapportat li t-traffiku kien miexi bil-mod fil-ħin tal-inċident. Fuq ix-xarabank kien hemm 46 passiġġier u żewġ xufiera, b’wieħed minn dawn ikun fost il-mejta.