Fl-aħħar tal-2023 kien innotat li, għal kull persuna li tirreġistra mal-JobsPlus, kien hemm tmin vakanzi disponibbli tax-xogħol.
Innotat dan il-gazzetta Illum fl-aħħar ħarġa tagħha fejn analizzat ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Dawn in-numri juru kif is-sena l-oħra kien hemm 7,656 post tax-xogħol vojt.
Ta’ min ifakkar li, is-sena l-oħra, il-pajjiż baqa’ jirreġistra rekord baxx ta’ persuni fil-lista tal-qgħad, fejn saħanistra dawn niżlu taħt l-elf persuna.
L-Illum tinnota kif din kienet l-akbar rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti qatt osservata minn meta bdiet tinġabar statistika ta’ dan it-tip, lura fl-2017. Minbarra hekk, sabet li, matul l-2023, l-impjiegi f’Malta kibru b’6.5%, filwaqt li fil-bqija tal-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 1.2% biss.
Hawnhekk intqal kif in-negozji f’pajjiżna kellhom ferm aktar impjiegi li xtaqu jimlew, imma li ma sabux nies biżżejjed għalihom. Fi tmiem l-2022 il-postijiet tax-xogħol mhux vakanti kienu jgħoddu għal 6,407. Dan ifisser li, f’Malta, ir-rata ta’ xogħlijiet mhux mimlijin żdiedet minn 2.6% fl-2022 għal 2.8% fl-2023, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea kienet 2.7%.
Il-gazzetta kompliet tinnota kif, meta wieħed iħares lejn dawk is-setturi li l-aktar qed ifittxu ħaddiema, kien hemm is-servizzi professjonali fejn il-postijiet vakanti kienu jammontaw għal 1,700.
Isegwi kien hemm is-settur tal-imnut b’1,038 post tax-xogħol vojt u l-lukandi u r-restoranti li kellhom bżonn 990 ħaddiem aktar.
Kien hemm ukoll 663 post ta’ xogħol vakanti fil-manifattura, 617 fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni u 597 fir-remote gaming. Fis-settur tal-kostruzzjoni kien hemm bżonn 463 ħaddiem, 396 post tax-xogħol mhux mimli fis-servizzi finanzjarji u 315 fis-settur tas-saħħa.