Tmien persuni sfaw feruti waqt sparatura quddiem moskea fin-Nofsinhar ta’ Franza.
Persuni li kienu ħerġin mill-moskea Arrahma f’Avignon kienu avviċinati minn żewġ suspettati għall-ħabta tal-22.30 tal-Ħadd ħin lokali. Mgħammra bil-pistoli, is-suspettati waslu fuq il-post b’vettura tat-tip Renault Clio, qabel ma fetħu n-nar fuq in-nies.
Il-pulizija qalet li mhux qed tikkunsidra dan l-inċident bħala attakk terroristiku. Skont il-gazzetta La Provence, fost dawk feruti kien hemm familja ta’ erbgħa, fosthom tifla ta’ seba snin, li waqt l-inċident kienu fl-apparatament tagħhom, li jinsab madwar ħamsin metru ‘l bogħod mill-post. Huma weġġgħu kawża tal-frak li tar mit-tiri tal-pistoli użati.