Malta u Għawdex issa għandhom l-ewwel tmien Zoni Marittimi ta’ Protezzjoni Speċjali (SPAs) bħala parti min-netwerk Natura 2000 mifrux mal-Ewropa kollha.
Dan ifisser li l-għasafar tal-baħar ta’ Malta issa jgawdu minn protezzjoni sħiħa sew fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.
Dawn iz-zoni kienu approvati mill-Gvern Malti u ddikjarati bħala l-ewwel SPAs tal-gżejjer Maltin, wara li l-Kummissjoni Ewropea tat il-kunsens tagħha. Is-siti ġew identifikati minn BirdLife Malta bis-saħħa tal-Proġett LIFE+ għall-Għasafar tal-Baħar ta’ Malta, li l-għeluq uffiċjali tiegħu sar illum permezz ta’ konferenza li saret f’lukanda fiċ-Ċirkewwa.
Tul il-ħames snin ta’ dan il-proġett, parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ir-riċerkaturi ta’ BirdLife Malta identifikaw l-aktar siti importanti fil-baħar.
Birdlife temmen li dan huwa importanti biex jiġu mħarsa t-tliet speċi ta’ għasafar tal-baħar protetti f’Malta li n- numri tagħhom qed jonqsu.