Il-Pulizija resqet il-Qorti lil Keith Azzopardi, Bormliż ta’ 31 sena, fejn ġie akkużat li naqas milli jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Dawn il-kundizzjonijiet kien jinkludu dik li jirtira ġewwa d-dar fejn joqgħod bejn id-9pm u s-6am fost oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija tal-Għassa ta’ Bormla ġew infurmati li Azzopardi ħoloq kommossjoni u anke ġġieled man-nies waqt li kien taħt l-effett tax-xorb matul il-lejl tas-Sibt, fejn fost l-oħrajn allegatament għamel ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor, waqt li kien fil-pubbliku qal kliem oxxen u indeċenti, kiser il-paċi pubblika u kif ukoll hedded u waddab diversi oġġetti lil persuni oħra.
Għalkemm wieġeb li huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti nnutat kif mhux l-ewwel darba li Azzopardi kiser l-kundizzjonijiet imposti fuqu, fejn anke saħansitra kienet ingħatatlu multa.
Id-difiża spjegat li l-akkużat għandu l-problema tax-xorb u diġà anke tkellem mal-OASI fejn jixtieq jibda’ jirriforma ruħu, anke hekk kif għandu t-tfal u jixtieq ikompli jkun ta’ għajnuna għalihom.
Wara ħin jiddelibera, il-Magistrat Noel Bartolo kkunsidra kollox u ddeċieda li Azopardi jintbgħat tmien xhur ħabs b’mod immedjat.