Mara t’erbgħin sena nstabet ħatja li ppruvat iddaħħal id-droga fil-ħabs moħbija fil-bra u ġiet ikkundannata tmien xhur ħabs.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Graziella Francalanza minn Tas-Sliema ġiet akkużata li fil-ħamsa ta’ Novembru u anke qabel, kienet fil-pussess u saħansitra ttraffikat l-eroina, filwaqt li ppruvat iddaħħalha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-Ispettur Malcolm Bondin spjega kif il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li l-mara kienet se tgħaddi d-droga lil priġunier fil-Qorti, dakinhar stess li kellu kawża li se kienet tinstema’.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija arrestat lil Francalanza u ttieħdet l-għassa tal-Belt. Hemmhekk minn ġol-bra, il-mara ħarġet borża bid-droga.
Wara li kkunsidrat aktar provi u l-passat ikkulurit tal-akkużata flimkien mal-vizzju tad-droga, il-Maġistrat sabitha ħatja tal-akkużi kontriha u kkundannata tmien xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ elfejn ewro.