Bħal-lum tmien snin, il-poplu ddeċieda.
Għażel il-bidla, direzzjoni ġdida, għażel il-progressività fuq min ried idawwar l-arloġġ lura.
Bl-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll, fid-disgħa ta’ Marzu tal-elfejn u tlettax, il-poplu ta mandat qawwi lil Gvern ġdid, Gvern Laburista.
Dakinhar, pajjiżna ħeles minn klikka li għolliet il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u tat lilha nnifisha ħames mitt ewro fil-ġimgħa żieda, u mbarka fuq bidliet kbar li ħafna minnhom jispikkaw għax kienu tal-ewwel.
L-ewwel darba li pajjiżna daħħal is-servizz ta’ childcare b’xejn, l-ewwel darba li pajjiżna daħħal liġijiet favur governanza tajba, l-ewwel darba li żdiedu l-pensjonijiet u l-paga minima wara ħafna snin, l-ewwel darba li persuni LGBTIQ ingħataw id-dritt li jiżżewġu lil min iħobbu.
Gvern Laburista wera li huwa Gvern li jżomm il-wegħdiet tiegħu.
Ħallas lura t-taxxa żejda mħallsa fuq il-liċenzji tal-karozzi, indirizza inġustizzji tal-passat, ra l-qalba għal arja aktar nadifa, u ffirma ftehimiet storiċi mal-Korpi Dixxiplinati.
Kienu tmien snin ta’ bidliet ekonomiċi u soċjali.
Malta ta’ qabel l-2013 ma tingħarafx minn dik tal-lum.
Anki mill-aspett infrastrutturali bdew isiru proġett kbar.
Snin konsekuttivi li fihom pajjiżna għamel surplus u li sewa tant issa li pajjiżna, bħal kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja, qed jaffaċċja pandemija.
F’dawn is-snin kollha kompla jonqos il-qgħad, u żdiedu n-nisa u l-persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.
Anki f’pandemija globali li laqtet lid-dinja kollha, u ħalliet pajjiżi b’ekonomiji kbar fuq irkupptejhom, f’Malta baqa’ jinħoloq ix-xogħol.
Illum, tmien snin wara, Gvern immexxi minn Robert Abela qed ikun spalla għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, mhux biss bi pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro, u b’budget li reġa’ ta u ma ħa xejn lil ħadd, imma baqa’ viċin in-nies u sab il-bilanċ mistħoqq bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies.