Il-mara li ffrodat 26 persuna fuq kiri ta’ propjetà, ngħatat tmien snin ħabs wara li ammettiet għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha fosthom – 26 akkuża ta’ frodi, li kienet riċediva u li kissret il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti f’sentenza preċedenti.
Alexia Micallef ta’ 38 sena residenti l-Imsida, bid-dmugħ f’għajnejha, ammettiet għall-akkużi ta’ frodi miġjuba fil-konfront tagħha.
Il-Qorti semgħet kif Micallef għamlet dak li għamlet wara li spiċċat vittma hi stess, fejn wara li spiċċat fl-użura, id-dejn li kellha beda jiżdied u sabiex issalva lilha nfisha wettqet dan l-att.
Micallef li x-xogħol tagħha jikkonsisti f’tindif ta’ proprjetajiet bdiet tuża ċ-ċwievet li s-sidien tar-residenzi bdew jafdaw għandha, fejn ħadet lill-persuni li kienu interessati li jikru proprjetà fl-istess residenzi biex turihom il-post. Minn hemm, hekk kif il-persuna interessata tkun trid tikri l-post, Micallef kienet tgħidilhom biex jiffirmaw ftehim fejn huma riedu jagħtu €800 bil-quddiem. Wara li hi tieħu l-flus mingħand il-vittmi, Micallef kienet tibgħatilhom messaġġ u tgħidilhom li r-residenza għaddejja minn xogħol ta’ manutenzjoni.
Il-każ ħareġ fil-beraħ meta numru ta’ persuni li ġew ffordati ilmentaw fuq Facebook, fejn talbu lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni.
L-avukat difensur qal li l-klijenta tiegħu kienet vittma tal-użura, u l-Qorti għandha tieħu dawn iċ-ċirkustanzi inkonsiderazzjoni.
Micallef kienet akkużata li ffrodat 26 persuna li kien jammonta €21,000. l-Qorti ppreserduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, hekk kif semgħet li l-akkużata għelbet l-problemi tal-użura, tagħtha sentenza ta’ tmien snin b’mod effettiv hekk kif kellha sentenza sospiża li kienet se tiskadi f’Novembru.
Il-Maġistrat sostna li l-akkużata għamlet ħażin, u kienet riċediva fejn ma tatx każ il-messaġġ li ngħatat f’każi preċedenti. Hu temm billi qalilha li meta wieħed ikollu problema tal-użura, irid ifittex l-għajnuna għax fl-aħħar mill-aħħar hu se jispiċċa jbgħati – fejn f’dan il-każ mhux se tkun qed tara lil bintha għat-tmien snin li ġejjin.
Ritratt: TVM – Brandon Pisani