Mill-Ġimgħa grupp ta’ Counsellors professjonali bdew jagħtu s-servizz ta’ tmien sessjonijiet ta’ counselling lill-komunità b’xejn.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali li b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Counselling, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Appoġġ, numru ta’ professjonisti qed joffru numru ta’ sigħat f’sessjonijiet ta’ counselling lil persuni li l-pandemija qed tkun ta’ sfida fuq is-saħħa mentali tagħhom.
Ryan Portelli il-President ta’ din l-assoċjazzjoni stqarr: “Iddeċidejna li b’dan il-mod noffri li dak aħna nistgħu noffru, li huwa l-counselling, b’mod li huwa b’xejn biex kulħadd ikollu aċċess għalih u jilħaq kemm jista’ jkun nies fiż-żmien li kif qed ngħidu jista’ joħloq diffikultà fuq livell emozzjonali u fuq livell ta’ saħħa mentali lill-komunitajiet tagħna.”
Id-Direttur tal-Appoġġ, Remenda Grech, ħabbret illi kull min jixtieq jibbenefika minn dan is-servizz addizzjonali jista’ jċempel fuq in-numri 179 jew 1772.
Hija spjegat: “Is-support line 1772 anke fi żmien xahar qed jirċievi ftit aktar minn 80 telefonata kuljum, u allura dawn in-numri jindikaw li dan kien servizz li verament meħtieġ, servizz li l-fondazzjoni b’mod immedjat anke bdiet topera permezz tal-profesjonisti kollha illi qegħdin jagħtu dan is-servizz anke 24 siegħa kuljum.”