• KELMA LI ŻAMM ANKE F’TERMINI ELETTORALI
• KIEN WIEGĦED LI MA JKUNX HEMM RAPPORT TAT-TELFA
Il-Prim Ministru Joseph Muscat żamm kelmtu mad-delegati tal-Partit Laburista anke f ’termini elettorali. Meta f ’Ġunju 2008 nħatar mexxej tal-Partit Laburista kien qal, f ’wieħed mill-ewwel diskorsi tiegħu, li ried li taħt it-tmexxija tiegħu ma jkunx hemm rapport tat-telfa ieħor.
U sal-lum hekk kien. L-ewwel elezzjoni li fiha l-Partit Laburista mar taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat kienet dik tal-Parlament Ewropew fl-2009 fejn il-Partit Laburista kiseb 54.7% kontra l-40.5% tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess sena kien hemm l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali bir-riżultat ikun prattikament l-istess; 54.5% għall-Partit Laburista u 44.2% għall-Partit Nazzjonalista. Din kienet elezzjoni li rat lil Joseph Muscat jiffaċċ- ja lil Lawrence Gonzi sena wara li Gonzi rebaħ l-elezzjoni ġenerali b’madwar 1,500 vot maġġoranza.
Faċilment ir-riżultat kien interpretat bħala vot ta’ protesta fil-Partit Nazzjonalista iżda donnu kien iktar minn hekk. Kien l-ewwel sinjal li madwar il-Partit Laburista Joseph Muscat kien qed jibni moviment. Moviment ta’ progressivi u moderati. Moviment li r-riżultat li ġew wara bdew juru li hu konsistenti fis-saħħa tiegħu fost il-poplu Malti u Għawdxi.
Fl-2012 reġa’ kien hemm l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Il-Partit Laburista kiseb 55.6% tal-voti kontra l-41.8% tal-Partit Nazzjonalista. Kien hemm imbagħad l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Hawn inkisbet rebħa elettorali bl-ikbar distakk elettorali mill-Indipendenza ’l quddiem. Il-Partit Laburista kiseb 54.8% tal-voti kontra t-43.3% tal-voti.
Vantaġġ ta’ iktar minn 11% li lanqas dawk li kienu meqjusa ġganti fit-tmexxija tal-partiti ma kisbu. Ma’ dik l-elezzjoni kien hemm ukoll l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn il-Partit Laburista kiseb 56.6% u l-Partit Nazzjonalista 42.3%. Sal-lum kien ċar li l-poplu kien qed jafda lil Joseph Muscat u l-proġett tiegħu. Proġett ta’ Malta Tagħna Lkoll.
Naturalment f ’kull analiżi li saret kien analizzat ukoll il-Partit Nazzjonalista u n-nuqqasijiet tiegħu li setgħu wasslu għall-problemi fil-Partit Nazzjonalista u r-rebħiet għal Joseph Muscat. Test ieħor kien fl-2014. Partit fil-gvern iffaċċja l-elezzjonijiet wara sena. Hemm min jargumenta li fid-dawl li kien għadu frisk seta’ kellu iktar affarijiet favurih, iżda oħrajn jemmnu li dik kienet elezzjoni diffiċ- li ħafna għaliex bl-aspettativi tant kbar wara r-rebħa tal-2013 ma kinux wieħed u tnejn dawk li setgħu pretendew li f ’sena jinkiseb dak li ma nkisibx f ’tant snin u għalhekk il-pressjoni kienet kbira. Il-Partit Nazzjonalista kellu wkoll tmexxija ġdida.
Friska suppost għax inħatret wara t-telfa tal-2013. Iżda, din id-darba wkoll Joseph Muscat ikkampanja kemm felaħ madwar it-toroq Maltin u fiehem li anke fil-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista kellu jibqa’ jingħata l-fiduċja. Dan wassal għal rebħa elettorali ta’ 53.4% għall-Partit Laburista u 40% għall-Partit Nazzjonalista. Riżultat simili l-Partit Laburista kisbu fl-2015 fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Bl-unika differenza minn sena qabel tkun li l-Partit Nazzjonalista rreġistra titjib żgħir ta’ 4.6%.
Biex imbagħad is-Sibt li għadda kien hemm konferma mingħajr ebda dubju li Joseph Muscat bena moviment madwar il-Partit Laburista sod u konsistenti. Għal darb’oħra r-riżultat kien ta’ 55% għall-Partit Laburista u 43.6% għall-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultati jaf joffru stampa xi ftit qarrieqa wkoll. Faċli wieħed jaħseb li dawn kienu kisbiet faċli għall-Partit Laburista.
Iżda, mhux il-każ. Għal żmien twil, Joseph Muscat sostna li l-Partit Laburista kien l-underdog u din ma kinetx dikjarazzjoni li ġiet minn imkien. L-establishment qatt ma jieħu gost li jkun hemm min joħodlu postu u biex iżommu juża l-mezzi kollha li jkollu; mill-Knisja jew friegħi minnha sa dik li suppost hi midja indipendenti jew ċerti NGOs li nħolqu biex jaġevolaw partit politiku wieħed.
Quddiem dan kollu, Muscat dejjem wieġeb b’għaqda u pjan għall-pajjiż. Pjan li l-poplu apprezza u għażlu għal darba wara l-oħra biex l-aqwa żmien għall-pajjiżna għadu ġej.