Tmien Kunsilli Lokali se jieħdu bejniethom erba’ mitt elf ewro biex iwettqu proġetti fil-lokalitajiet tagħhom li jagħmluhom aktar aċċessibli.
Għal din l-iskema, bit-tema ta’ aċċessibilità u mobilità, applikaw numru ta’ kunsilli lokali, u se jgawdu minnha l-lokalitajiet tal-Belt, l-Isla, Ħ’Attard, San Ġiljan, Santa Luċija, ir-Rabat Malta, Għajnsielem u l-Għarb.
F’Għajnsielem, dawn il-fondi se jintużaw biex żona f’dan ir-raħal imdawra b’każini, tkun imsebbħa b’dawl ġdid u bankini.
Is-Sindku Kevin Cauchi stqarr, “Ħa nkunu qegħdin speċjalment fil-ġranet tas-Sajf nagħlqu nkluż fi tmiem il-ġimgħa din il-parti taċ-ċentru tar-raħal sabiex anki aħna nagħmlu ċertu attivitajiet fihom u fl-istess ħin dan l-ispazju nagħtuh lura lin-nies.”
Min-naħa l-oħra, il-lokalità tar-Rabat f’Malta se takkwista vann li jaħdem bl-elettriku biex jgħin lil persuni bi problemi ta’ mobilità.
Is-Sindku Sandro Craus qal, “Ħa nkunu qegħdin nagħmlu rotta li tolqot diversi nħawi tar-Rabat, il-Baħrija, Landrijiet, Kunċizzjoni biex indaħħlu aktar nies lejn il-pjazza però mhux bil-karozza tagħhom.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, stqarret li permezz ta’ skemi bħal dawn, il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jipprovdu kundizzjonijiet aħjar għar-residenti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari sostniet, “Illum aktar mill-bieraħ ninsabu konxji tal-importanza li kull persuna għandha dritt li tgħix b’mod liberu u indipendenti. Għaldaqstant aħna bħala segretarjat parlamentari għall-gvern lokali se nkunu qed noffru l-għajnuniet tagħna sabiex nagħmlu l-ħajja tar-residenti tagħna aktar sabiħa, aktar komda.”