Fl-aħħar sigħat fiequ tmien persuni oħra mill-Coronavirus iżda feġġew erba’ każijiet ġodda minn ħames mija, erbgħa u sebgħin test li saru..
B’hekk l-ammont ta’ nies li kienu infettati bil-virus f’Malta tela’ għal erba’ mija, wieħed u tletin (431) każ iżda minnhom għad baqa’ biss tliet mija u żewġ każijiet (302) li għadhom attivi hekk kif mija, sitta u għoxrin (126) persuna fiequ.
L-ewwel każ ta’ persuna infettata bil-COVID-19 fl-aħħar sigħat huwa ta’ raġel li għandu disgħa u ħamsin sena li beda b’sintomi ta’ sogħla u nuqqas ta’ togħma fis-sbatax t’April. Ir-raġel ma jaħdimx u b’hekk kellu kuntatt biss ma’ tal-familja.
It-tliet każijiet l-oħra jirrigwardaw persuni li bħalissa qegħdin jinżammu taħt kwarantina fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
Il-każijiet huma ta’ Marokkin ta’ erbgħa u għoxrin sena, żagħżugħ Somalu ta’ sbatax –il sena u żagħżugħ Sudaniż ta’ tmintax-il sena.
B’hekk in-numru ta’ persuni infettati f’dan iċ-ċentru miftuħ huwa ta’ tmienja u tletin.
Meta mistoqsija mill-ġurnalisti, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika saħqet li minkejja n-numri baqgħu żgħar, is-settur tas-saħħa għadu jagħmel it-testijiet u qiegħed b’seba’ għajnejn fuq is-sitwazzjoni preżenti.
“Aħna kellna diversi mudelli fejn aħna konna qegħdin naraw kif tista’ tkun is-sitwazzjoni u anki bbażat tal-mudell li aħna konna qegħdin naraw, qegħdin f’sitwazzjoni bħalissa li għadna bil-każijiet li kuljum qed ikollna numru ta’ każijiet li dan qiegħed ivarja però rridu niftakru li n-numri tagħna anki jekk ikollok totali illi huma iktar minn dak li qed ikollna llum huma pjuttost numri żgħar allura l-varjazzjoni tista’ tkun qiegħda mhux daqshekk kbira.”
Tenniet li minn diversi statistiċi kemm mix-xena lokali kif ukoll minn dik internazzjonali jidher li dan il-virus jolqot aktar lill-irġiel milli lin-nisa.
“Din tista’ tkun kemm minħabba li inti għandek ċerti hormones tan-nisa li jistgħu jagħtu protection imma anki wkoll nafu li meta jkollok nies li iktar ipejpu li nafu li hemm itkar tipjip fost l-irġiel milli fost in-nisa jista’ jpoġġik iktar f’sitwazzjonijiet li iktar tkun fi stat li jista’ jaqbdek iktar il-virus.”
Il-Professur Gauci temmet b’appell lill-pubbliku sabiex jersqu ‘l quddiem jekk għandhom xi sintomi biex flimkien inkomplu naqbdu iżjed każijiet u nnaqqsu l-firxa tal-Coronavirus.