Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li f’pajjiżna feġġew tmien każijiet ġodda ta’ persuni nfettati bil-Coronavirus.
Minnhom, erbgħa ġew minn trażmissjoni lokali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Charmaine Gauci qalet li issa il-każijiet tal-Coronavirus telgħu għal 38, bil-persuni infettati jinsabu kollha fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Minn dawn il-każijiet hemm tifel Malti ta’ 3 snin li kellu kuntatt ma’ persuna li kienet pożittiva għall-Coronavirus l-ġimgħa li għaddiet.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika aċċennat li ċ-ċkejken jinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa u ħarġulu s-sintomi fil-15 ta’ Marzu, meta kien diġa waqaf jattendi l-iskola.
Il-każijiet l-oħra jinvolvu Taljan ta’ 58 sena, li mar Ruma, u ibnu ta’ 15-il sena. Il-familja kienet fi kwarantina wara li l-omm ta’ din il-familja l-ġimgħa li għaddiet irriżultat pożittiv għall-influwenza tal-Coronavirus.
Il-Professur Gauci qalet li Ingliża ta’ 59 sena li tgħix Malta, daħlet l-isptar Mater Dei bi ksur. Hija baqgħet tinżamm l-isptar għall-kura u fit-13ta’ Marzu ħarġulha sintomi respiratorji u rriżultat pożittiv għal Coronavirus. Iżda l-pazjenta li kienet fil-kamra ħdejha rriżultat fin-negattiv, minkejja li qiegħda tinżamm fi kwarantina flimkien mal-impjegati li ħadu ħsieb lil din il-pazjenta.
L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li f’dan il-każ ittieħdu l-prekawzjonijiet. Il-Prof. Gauci spjegat: “Għalaqna s-sala biex ma jkun hemm firxa. Se tibqa’ magħluqa għal numru tas-sigħat sakemm is-sitwazzjoni tkun stabbli.”
Tfajla Maltija ta’ 26 sena li ġiet lura mir-Renju Unit, ukoll irriżultat pożittiv għall-Coronavirus waqt li kienet fuq kwarantina mandatorja. It-tfajla ġiet lura fit-13 ta’ Marzu u fuq din l-istess titjira kien hemm raġel ta’ 62 sena li ukoll ħariġlu l-virus waqt li kien taħt kwarantina mandatorja.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li Malti ta’ 28 sena, irriżulta pożittiv għal Coronavirus. Iż-żagħżugħ ma sifirx imma jaħdem f’ambjent fejn kien hemm persuna li siefret lejn Sqallija. Għaldaqstant qed jiġi suspettat li kellu kuntatt ma’ persuni li siefru u dawn kellhom sintomi ħfief.
Bħal dan il-każ, hemm Malti ta’ 52 sena, li ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu u rriżulta pożittiv għall-coronavirus. Ir-raġel li jaħdem f’kumpanija privata, ma sifirx u ma kellu l-ebda kuntatt ma’ nies li siefru. Bis-suspett huwa li seta’ ħa l-virus mill-gym li jattendi.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li qed jiżdiedu l-każijiet għaliex saru qrib l-1,000 test għall-Coronavirus biex kemm jista’ jkun il-każijiet jinqabdu minn kmieni. Hija spjegat: “Qed inżiedu l-iswobs. Meta tfittex iktar tistenna li ħa sib iktar għalhekk il-kazijiet qegħdin jiżdiedu. Għamilna swob fuq perusni li kienu imsiefrin jew kellhom xi kuntatt. Għamilna 939 swob u li huwa ammont sostanzjali.”
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa se jiltaqgħu mas-sidien tas-supermarkets sabiex ituhom pariri li għandhom isegwu biex ikomplu joffru servizz lill-konsumatur u tiġi imħarsa s-saħħa tal-pubbliku.
Il-Professur Gauci qalet: “In-nies jevitaw li jkollhom kuntatt. Appell qed isir mill-pajjiżi kollha. Tevita kuntatt u taħsel idejk.”