F’Jum il-Milied tmien priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, intbagħtu id-dar biex iqattgħu ftit tal-ħin ma’ familthom.
Dan wara li saru bosta testijiet mill-aġenzija għas-servizzi korrettivi, biex dawn l-istess priġunieri jkunu sorvejlati elettronikament mill-aġenzija l-ħin kollu permezz ta’ brazzuletta mal-għaksa tagħhom sakemm qattgħu ftit tal-ħin barra mill-Faċilità.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li din l-inizjattiva kienet parti mill-impenn tal-Gvern biex ir-residenti f’Kordin jirriabilitaw ruħuhom u jerġgħu jiffurmaw parti mis-soċjetà. Huwa stqarr: “Offrejna illi b’mod volontarju jipparteċipaw f’dan il-proġett pilota illi jużaw brazzuletta mal-għaksa tagħhom illi tindika huma fejn ikunu u jkunu moniterjati l-ħin kollu. Fil-Milied morna pass oltre. Fil-Milied kien hemm tmien residenti fil-faċilità li mhumiex awtorizzati li joħorġu illi offrew li jipparteċipaw f’dan il-proġett volontarju li jistgħu joħorġu mal-familja tagħhom għall-perjodu tal-Milied u aħna nkunu nistgħu nimmoniterjaw il-ħin kollu huma fejn huma.”
Dan kollu serva ta’ proġett pilota skont miżura li kienet tħabbret fil-baġit għas-sena d-dieħla li se tippermetti sorveljanza elettronika fuq aktar residenti f’Kordin.
Dr Farrugia temm jispjega: “Matul is-sena d-dieħla skont il-budget illi għadda nimplimentaw liġi, liġi li tkun issa mandatorja għaw dawk ir-residenti fil-faċilità li jkunu jistgħu joħorġu jew inkella jkunu sejrin il-Qorti jew inkella jkunu jistgħu jingħataw il-bail, jista’ wieħed ikun miżmum bħala house arrest u allura inti tkun taf jekk hu jkunx ħareġ mid-dar jew le jew inkella mill-parametri mogħtija min-naħa tal-Qorti. L-inizjattiva li ħadna ħa tkun il-preludju biex indaħħlu din is-sistema ta’ brazzuletta li tindika inti fejn inti ġewwa pajjiżna.”
Il-Ministru stqarr li dawn il-priġunieri qegħdin jingħataw il-fiduċja bil-patt u l-kundizzjoni li jobdu l-parametri stabbiliti. Kif jirritornaw lura fil-faċilità korrettiva dawn il-priġunieri jiġu mitluba jieħdu test għall-abbuż tad-droga u jaffaċjaw pieni jekk dan jirriżulta fil-pożittiv.