Poplu huwa ċivilizzat daqs kemm hu kapaċi jieħu ħsieb l-iżgħar fost niesu.
Dan kien il-ħsieb tal-President Malta Georve Vella waqt ċerimonja li matula tmien għaqdiet ngħataw bejniethom is-somma ta’ ħamsin elf ewro biex iwettqu proġetti li għandhom l-għan li jkunu ta’ spalla għal dawk l-aktar emarġinati fis-soċjetà.
Fost dawn l-organizzazzjonijiet hemm il-Fondazzjoni Wens li tilqa’ fi ħdanha 43 resident b’diżabilitajiet intelletwali kif ukoll fiżiċi.
Il-Fondazzjoni ilha tagħti l-kontribut tagħha lejn is-soċjetà għal dan l-aħħar tletin sena u d-direttur fi ħdanha Ronald Galea saħaq li huwa ta’ sodisfazzjon kbir kemm għalih kif ukoll għar-residenti li rnexxielhom jirbħu dan il-premju.
Huwa stqarr: “Dan huwa sodisfazzjon għalina li ntgħażilna minn fost nies oħrajn, għaqdiet oħrajn għax b’hekk b’dawn il-fondi li ħa ningħataw stajna nwettqu dan il-proġett.”
Is-Sur Galea spjega li permezz ta’ dan il-premju r-residenti ser ikollhom iċ-ċans jiddisinjaw il-ħitan biswit pixxina flimkien ma’ artist professjonali biex b’hekk ikollhom is-sodisfazzjon li jgawdu xogħolhom.
Huwa sostna: “Aħna kemm jista’ jkun dejjem ninvolvu lir-residenti tagħna. Aħna rridu nagħtuhom ħajja normali u kemm jista’ jkun ninvolvuhom u għalhekk ħassejna li dan ix-xogħol li kellu jsir f’dan il-pool kellhom jagħmluh l-istess residenti biex huma jkunu kuntenti u jiftaħru bażikament li qed jagħmlu dan ix-xogħol huma.”
Preżenti kien il-Ministru għall-Kultura u l-Gvern Lokali Josè Herrera li fl-ewwel okkażjoni pubblika tiegħu f’dan is-settur saħaq li l-kreattività hija katalista għal soċjetà inklussiva u biha kapaċi nimirħu f’orizzonti ġodda.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella stqarr li l-premju tal-flus lil dawn l-organizzazzjonijiet mhuwiex l-unika raġuni wara dawn il-proġetti iżda hemm sens qawwi ta’ volontarjat li fiha hemm rifless il-veru identità Maltija.
Saħaq li inizjattivi bħal dawn jiġġustifikaw kull ċenteżmu li jintefaq fuqhom għax jgħinnu lin-nies fl-aktar żmien ta’ bżonn.