Tmien gamimiet li ġew mgħammra għal skop ta’ riċerka mill-Federazzjoni għall-Kaċċaturi, Nassaba u l-Konservazzjonisti ġew rilaxxati. Fi stqarrija l-FKNK qalet li l-proġett “Turtle Doves – Captive Breeding and Release”, huwa mmirat biex tiżdied il-popolazzjoni selvaġġa, li hija l-unika kontribuzzjoni tanġibbli li Malta tista’ tagħmel għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fis-selvaġġ.
L-FKNK sostniet li dan għaliex l-gamiema ma tbejjidx selvaġġ fuq bażi regolari u fi kwalunkwe kwantità sinifikanti fil-gżejjer Maltin. Appart minn hekk, l-ammont rilaxxat jista’ jservi bħala miżura ta’ kumpens għall-gamiem li jistgħu jittieħdu mis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin.
L-FKNK sostniet li mit-tnedija tiegħu fl-2017, kull sena, l-proġett ra mijiet ta’ gamiem mitluqin fis-selvaġġ, ħlief għall-2020, minħabba l-pandemija Covid-19. Ir-rilaxx ta’ din is-sena ta’ madwar 350 gamiema sar aktar kmieni dan ix-xahar b’valur miżjud sinifikanti.
L-FKNK rringrazzjat lill-Gvern li flimkien mal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, l-RGF sponsorjaw it-tmien GPS Satellite Tracking Devices, li jiswew €14,000 u li tqegħdu mal-gamiem qabel dawn ġew rilaxxati. Il-Federazzjoni spjegat li qabel ir-rilaxx ġew irreġistrati il-piż u l-qis tal-ġwienaħ.
Hija fissret ukoll li l-Ornitoloġista Taljan Alessandro Tedeschi, mill-Ufficio Avifauna Migratoria u li għandu esperjenza bi trasmetturi bħal dawn biex juri kif jintużaw dawn it-trażmetturi lil numru ta’ Membri tal-Kunsill tal-FKNK.
L-FKNK qalet li se tkun qed tippubblika rapporti perjodiċi kif u meta jkun meħtieġ dwar din il-parti ta’ riċerka ta’ dan il-proġett. Hia temmet tgħid li r-riżultati għandhom juru evidenza aktar konkreta dwar il-pajjiżi tar-“reference populations” tal-gamiem, jiġifieri, dawk il-pajjiżi liema popolazzjonijiet tal-gamiem ipassu lejn il-gżejjer Maltin.
Ritratti: FKNK