Jien ma nistax ngħidilhom biex iwarrbu l-ħsieb u ngħidilhom li n-natura ma tippermettilhomx li jibnu familja.
Dan sostnih il-ġinekologu u speċjalista Mark Sant f’artiklu fil-gazzetta Times of Malta intitolat Eight cells in the lab.
Stqarr li bħalma pazjent bi problema f’qalbu ma tistax ma tagħtihx il-kura, dan jgħodd ukoll għall-koppji li jmorru quddiemu wara snin twal jippruvaw għat-tfal.
Spjega li l-kundizzjoni tal-infertilità hija mniżżla fil-qafas tal-liġijiet ewropej li jirregolaw id-drittijiet tal-bniedem.
Għaldaqstant, żied li dawk il-professjonisti li qed jagħżlu li jwarrbu dawn is-servizzi mediċi, qed morru kontra d-drittijiet tal-bniedem.
Fisser bħala farsa l-Att preżenti tal-protezzjoni tal-embrijun għax qed jgħaddi lil omm minn interventi repetittivi bla bżonn waqt li jpoġġi l-professjonisti f’qagħda li jittrasferixxu embrijuni f’ġuf li hemm ċans għoli li mhux ser jaċċettahom.
Qal li dan mhux aċċettabbli meta tqis li l-maġġoranza tal-bqija tad-dinja għandha rata ta’ suċċess li taqbeż is-sittin fil-mija b’riżultat tal- proċedura tal-iffriżar tal-embrijuni.
Sostna li meta jiżen dan kollu ma jista’ bl-ebda mod ikun kontra dawn l-emendi.
Dwar l-embrijun, jispjega li b’mod xjentifiku għandna nagħmlu distinzjoni bejn dak li “jista jkun” u dak li “diġa hu” fejn qal li tmien ċelloli f’laboratorju mhumiex uman. Qal li dawn għandhom il-potenzjal li jkunu, iżda għad jonqoshom intervent straordinarju.
Stqarr li l-liġi hija favur il-ħajja u kontra l-abort.
Appella lill-parlamentari biex jilleġislaw għall-ġid tas-soċjetà kollha anke jekk din tikkontradixxi l-opinjoni personali tagħhom. Inkluż dik il-faxxa żgħira ta’ koppji li għandhom problemi ta’ infertilità u li għandhom xaqq ta’ tama li jibnu familja.