Tmien żgħażagħ Maltin ibbenefikaw minn fond ta’ €18,000 bl-isem Young Talent Fund. Fond li jgħin bil-mobbiltà ta’ artisti żgħażagħ Maltin meta jiġu biex isiefru sabiex jieħdu sehem f’festivals, kompetizzjonijiet u wirjiet barra minn xtutna.Iż-żgħażagħ ġew mgħotija l-fondi allokati lilhom sabiex issa jużawhom għall-użu individwali tagħhom.
F’intervista ma’ One News Benjamin Spiteri u Daniel Zack Borg qasmu magħna n-nisġa artistika li jippratikaw u anke fejn ser ikunu qed isiefru sabiex jkomplu jwessaw l-oriżżonti tagħhom f’dan il-qasam.
Preżenti għall-għoti tal-fondi ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti is-Sur Albert Marshall tenna li minn totall ta’ għaxar applikazzjonijiet ġew aċċettati tmienja. Huwa tkellem ukoll maż-żgħażagħ Maltin preżenti u saħaq kif malli jirritornaw lura minn din l-esperjenza, huwa mportanti li jaqsmu dak li tgħallmu ma artisti oħrajn barranin.
Intant il-Ministru għall-Kultura Dr.Owen Bonniċi spejga kif dan il-Fond huwa wieħed ta’ importanza għaliex ikompli jgħin jipprovdi iktar tagħlim lill-artisti żgħażagħ Maltin:
“L-idea hija li s-sena d-dieħla nkomplu nkabbru u jkun hemm iktar żgħażagħ li jipparteċipaw u jieħdu sehem f’din l-esperjenza unika li aħna bħala Kunsill Malti għall-Arti qegħdin nagħmlu biex ngħinu lill-ġenituri u l-persuni kollha li jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal b’talent sabiħ”.