Pulizija nqatel u minn tal-inqas għaxar persuni oħra weġġgħu waqt ċelebrazzjoni tat-tmiem tar-Ramadan. Dan wara li persuni attakkaw bi sparaturi u bombi, grupp li nġabar għat-talb f’Bangladesh.
Aktar minn tliet mitt elf prattikant kienu qed jitolbu f’żona msejjħa Sholakia, mal-mitt kilometru mill-Grigal ta’ Dhaka, fejn beda l-attakk.
B’kuntrarju għal attakki terroristiċi oħra f’Bangladesh, il-vjolenza tal-lum kienet immirata direttament lejn il-Musulmani f’waħda mill-aktar ġranet reliġjożament sagri għalihom. Il-ministru tal-informazzjoni tal-Bangladesh ikkonferma li wieħed mill-attakkanti kien arrestat mill-awtoritajiet filwaqt li ieħor inqatel. Stqarr li għadu mhux ċar min kien il-moħħ wara dan l-attakk pero qal li t-terroristi huma kontra l-prattiċi reliġjużi tal-Islam u kontra l-Gvern sekulari demokratiku ta’ Seikh Hasina. Dan l-attakk seħħ ġimgħa wara li tnejn u għoxrin persuna nqatlu f’attakk terroristiku f’Dhaka.