Tmiem il-ġimgħa li għadda kien wieħed tajjeb għall-gżira tat-tliet għoljiet, b’ħafna mir-ristoranti Għawdxin kienu mimlija għall-ikliet ta’ nofsinhar, partikolarment ilbieraħ.
Ċifri li kiseb ONE News juru li bejn il-Ġimgħa 14 ta’ Mejju u l-Ħadd 16 ta’ Mejju, qasmu l-fliegu aktar minn 42,200 persuna bil-vapuri tal-Gozo Channel.
Il-port taċ-Ċirkewwa kien l-aktar attiv il-Ġimgħa fejn telqu lejn Għawdex 8,644 persuna filwaqt li kif mistenni, il-Ħadd kien hemm iżjed nies ġejjin lejn Malta mill-port tal-Imġarr Għawdex.
Fil-fatt il-Ħadd telqu mill-port tal-Imġarr 10,712-il persuna.
Fi tmiem din il-ġimgħa qasmu ż-żewġ gżejjer qrib it-18,000 karozza u saru iżjed minn 250 vjaġġ.
Dan kollu seħħ wara li nhar it-Tnejn 10 ta’ Mejju, pajjiżna għamel pass eqreb lejn in-normalità u tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex.
Fuq il-vapuri tal-Gozo Channel xorta wieħed ried iżomm ma’ ċertu protokolli għat-trażżin tal-imxija.