Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Malti, rawnd sħiħ tal-kampjonat ewlieni Malti ntlagħab fil-gżira Għawdxija.
Dan wassal biex eluf ta’ partitarji qasmu l-fliegu biex isegwu u jagħtu s-sapport tagħhom lill-iskwadri ewlenin, filwaqt li oħrajn ħatfu l-opportunità li jqattgħu l-weekend twil ladarba l-festa ta’ Jum il-Ħelsien ġiet fil-jum tat-Tnejn.
Ċifri f’idejn ONE News juru kif, bejn il-Ġimgħa u t-Tnejn, madwar 86,000 persuna qasmu l-fliegu permezz tal-Gozo Channel biss, b’total ta’ 400 vjaġġ bejn il-Port taċ-Ċirkewwa u l-Port tal-Imġarr, Għawdex.
Dwar dan tkellimna ma’ Alan Abela, Chairman tal-Premier League Malta Ltd, fejn stqarr li din l-ewwel inizjattiva ta’ din ix-xorti f’Għawdex kienet waħda pożittiva ferm.
Qal, “Naħseb jiena kienet esperjenza tajba ħafna, in-nies irrikorrew, il-klabbs kienu kuntenti ħafna, aħna kuntenti wkoll. Ovvjament kelna ’l fuq minn 5,000 persuna li attendew għal-logħob, li għalina hu numru tajjeb ħafna. Ovvjament inħarsu ’l quddiem issa biex is-sena d-dieħla din l-attività tkompli tikber.”
Ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet tkellem ukoll Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, fejn elenka kif din l-inizjattiva sportiva ħalliet il-frott fost in-negozji u l-ekonomija Għawdxija, u din m’għandiex tkun ħaġa ta’ darba għax-xena sportiva Għawdxija.
Qal, “Ovvjament dan kien avveniment importanti ħafna għas-settur turistiku fil-gżira Għawdxija. Dan minħabba l-fatt li n-numru ta’ timijiet parteċipanti fit-turnament li sar fis-Silver Jubilee f’Għawdex, ovvjament dawn it-timijet qagħdu fil-lukandi rispettivi tagħna fil-gżira Għawdxija kif ukoll ikkontribwew għal setturi oħrajn, li huma relatati anke mas-servizz turistiku bħalma huwa t-trasport, il-kwistjoni ta’ retail, anke restoranti, u allura kien hawn attività turistika fil-gżira Għawdxija.”