Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana wriet is-sodisfazzjon tagħha li xhur ta’ preparamenti sarrfu fi tliet ijiem ta’ spettaklu u divertiment li żgur laħaq il-gosti ta’ kull minn kien Għawdex fi tmiem il-ġimgħa li għadda. Il-Ministru Caruana qalet li l-għan wara Gozo Alive kien li Għawdex jiġi mobilizzat, u dan l-għan intlaħaq b’suċċess. Hi qalet li l-kunsilli lokali u l-għaqdiet ipparteċipaw bi ħġarhom f’din l-attività fejn il-Ministeru għal Għawdex ta spazju lil kull min ried jipparteċipa.
Il-Ministru Caruana qalet li Gozo Alive kien tassew vetrina ta’ dak li għandu x’joffri Għawdex mill-aspett turistiku, kulturali, sportiv u innovattiv fejn uħud mill-aqwa talenti lokali taw wirjiet ta’ livell għoli. Eluf ta nies ħonqu l-pjazzez ewlenin tar-Rabat is-Sibt filgħaxija fejn attendew għall-kunċerti mużikali u wirjiet artistiċi. Dan apparti l-attivitajiet li kien hemm f’kull lokalità f’Għawdex matul il-jum.
Is-CEO tal-Gozo Tourism Association Joe Muscat laqa’ b’sodisfazzjon dan l-avveniment. Hu qal li festivalsbħal dawn ikomplu jgħollu isem Ghawdex ’il fuq biex Għawdex issir destinazzjoni turistika distinta.
Il-kumpanija Gozo Channel ġarret ’il fuq minn 54,000 passiġġier bejn iż-żewġ gżejjer fi vjaġġi li ma qatgħux u li kienu operati mingħajr skeda.
Il-Minstru Caruana rringrazzjat lill-board organizzattiv ta’ Gozo Alive, lill-Korp tal-Pulizija, lill-Protezjoni Ċivili, l-ERRC, lill-Gozo Channel, lill-kunsilli lokali, lill-għaqdiet u individwi involuti fix-xena kulturali Għawdxija, u lil numru ta’ voluntiera li ddedikaw il-ħin tagħhom biex din l-attività tkun organizzata b’mod profesjonali. Il-Ministru Caruana rringrazzjat lil dawk kollha li kienu involuti fejn urew li Għawdex għandu potenzjal ta’ destinazzjoni għad-divertiment li jkun addattat għall-familja kollha u għal kull età.