Fit-12 u t-13 ta’ Ottubru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex igawdi l-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Forti Sant’Anġlu, ilkoll fil-Birgu, b’rati mraħħsa, dawriet iggwidati u ħinijiet estiżi.
Hekk kif it-temp qed jiffriska, il-mużewijiet isiru rifuġji saħansitra aktar ideali għall-gost u t-tagħlim. Fl-ispirtu tal-BirguFest, iċċelebrazzjoni annwali tant maħbuba li din is-sena sfortuntament ma setgħetx tittella’, Heritage Malta ħejjiet opportunità perfetta għall-udjenzi kollha biex jagħmlu l-aħjar użu mill-qlib tal-istaġuni billi jieħdu pjaċir bi vjaġġ kulturali lejn il-belt rebbieħa u pittoreska tal-Birgu.
Nhar is-Sibt 12 u l-Ħadd 13 ta’ Ottubru, tliet siti ewlenin – il-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Forti Sant’Anġlu – se jiftħu b’rati tad-dħul vantaġġjużi u b’għażla ta’ dawriet iggwidati, li jridu jiġu bbukkjati minn qabel. Dawn talaħħar se jkunu qed isiru regolarment, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. It-tliet siti se jiftħu l-bibien tagħhom fid-9:00 am u jibqgħu miftuħin sa ħinijiet estiżi – sal-11:00 pm is-Sibt, u sas-7:00 pm il-Ħadd. Is-Sibt, it-tliet siti se jkunu msebbħa bid-dawl sabiħ ta’ xemgħat u fjakkoli.
Din hija wkoll opportunità eċċellenti għall-pubbliku biex jesperjenza xejn inqas minn erba’ wirjiet li għaddejjin bħalissa flambjenti uniċi pprovduti minn dawn is-siti storiċi. Il-wirja ‘An Island at the Crossroads’, fil-Mużew Marittimu, tieħu lill-viżitaturi fuq vjaġġ matul is-sekli ta’ ġrajjet Malta, b’enfasi fuq kif il-gżejjer tagħna kienu dejjem fil-qalba tat-tbaħħir u n-navigazzjoni. Tnaqqir delizzjuż imħejji esklużivament minn Taste History se jkun jista’ jinxtara mill-Mużew Marittimu.
Il-Palazz tal-Inkwiżitur, min-naħa l-oħra, bħalissa qed jilqa’ ġewwa fih il-wirja interessanti ‘Fare Convito – The Archaeology of Banqueting in Hospitaller Malta’. Din il-wirja tiffoka fuq kif l-ikel, l-arti u l-politika jitwaħħdu fil-pranzu Barokk f’Malta, u tinkludi oġġetti rkuprati mill-palazz innfisu permezz ta’ interventi arkeoloġiċi.
Il-wirja ferm immersiva u li għadha kemm infetħet bl-isem ‘Tradiment u Vendetta – Il-Konġura tal-Iskjavi tal-1749 f’19-il tpinġija storika’ tittrasporta lill-viżitaturi tagħha fil-qalba ta’ wieħed mill-aktar episodji intensi u mqanqla fl-istorja ta’ Malta, li seta’ dawwar id-destin tal-pajjiż b’mod drammatiku.
Fi ‘Ħjut ta’ Fidi – Vestwarju Liturġiku tal-Ordni ta’ San Ġwann’, l-ilbiesi raffinati li kienu jintlibsu mill-kleru tul il-ħakma mill-ordni reliġjuża fil-Gżejjer Maltin, u anke qabel – b’biċċiet imprezzabbli li jmorru lura għall-1496, jitqiegħdu taħt il-lenti. Page 2 of 2 Il-biljetti għad-dawriet gwidati, bi prezz ta’ €5 għal kull sit, se jkunu jistgħu jinqatgħu mill-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, u online minn www.heritagemalta.mt/store fil-jiem li ġejjin.
Il-biljetti tad-dħul ġenerali, li jinkludu d-dħul fit-tliet siti, għandhom prezz ta’ €3 għall-pubbliku ġenerali, u huma b’xejn għall-membri u dawk li għandhom il-Passaport tal-Anzjani u tal-Istudenti ta’ Heritage Malta. Il-biljetti se jkunu disponibbli mal-bieb.