Bejn nhar il-Ġimgħa u t-Tnejn, fi tmiem il-ġimgħa estiż, permezz tal-festa tas-Sette Giugno, qasmu l-fliegu bil-vapuri tal-Gozo Channel qrib it-tnejn u sittin elf persuna.
Dan minn tagħrif uffiċjali li kiseb ONE News u li juri li jekk wieħed jieħu erbat ijiem, jiġifieri mill-Ħamis sat-Tnejn ta’ din is-sena u l-erbat ijiem ta’ żmien is-Sette Giugno tas-sena l-oħra, iż-żieda hija sinifikanti.
Dan hekk kif bejn it-tlieta u s-sebgħa ta’ Ġunju li għadda qasmu l-fliegu kważi tnejn u sebgħin elf u tliet mitt passiġġier filwaqt li fl-istess jiem imsemmija s-sena l-oħra kienu nqas minn sebgħa u erbgħin elf u erba’ mitt ruħ li qasmu l-fliegu.
Dan ifisser differenza ta’ kważi ħamsa u għoxrin elf passiġġier.
Bejn il-Ġimgħa u t-Tnejn kienu dejjem aktar minn erbatax-il elf persuna li qasmu l-fliegu, bil-jum tat-Tnejn kien hemm aktar minn sbatax-il elf passiġġieri li użaw is-servizz tal-Gozo Channel.
L-aktar jiem li raw karozzi fuq is-servizz tal-Gozo Channel kien il-Ġimgħa u t-Tnejn, bi kważi ċifri identiċi ta’ ftit aktar minn sitt elef u ħames mija.
Kif mistenni l-aktar ġurnata li rat nies jitilqu miċ-Ċirkewwa kien il-Ġimgħa filwaqt li l-port tal-Imġarr Għawdex ra l-aktar nies, it-Tnejn.
Intant ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat semma kif dawn il-jiem kienu tajbin għan-negozji Għawdxin.
Huwa qal, “Dan kien weekend tajjeb għall-istabbilimenti turistiċi Għawdxin, siegħa dawk tal-akkomodazzjoni u iktar u iktar anki tal-istabbilimenti bħal ma huma restaurants. Il-feedback li kellna jidher li kien hemm domanda, domanda li bdiet mill-Ġimgħa u estendiet lilha nnifisha anki sal-ġurnata tal-bieraħ, it-Tnejn, għaliex kienet festa pubblika.”
Is-Sur Muscat innota wkoll li anki turisti bdew jaslu Għawdex wara li pajjiżna fetaħ b’mod sigur għat-turisti mill-bidu ta’ dan ix-xahar.
Huwa sostna: “L-andament turistiku f’Għawdex kien iktar ikkonċentrat fuq dak domestiku però diġà bdejna naraw ukoll in-numru ta’ turisti barranin illi kull ma jmur qed jiżdied f’Għawdex. Dan wara li bażikament ftaħna fl-1 ta’ Ġunju għat-turist barrani.”
Joe Muscat semma wkoll il-vouchers diġitali li bdew jiġu użati mit-Tnejn: “Il-fatt illi l-vouchers bdew bażikament mis-7 ta’ Ġunju illi kien it-Tnejn, kien importanti wkoll u dawn il-vouchers ħa nibdew naraw l-effetti tagħhom f’dawn il-ġranet il-jiem u l-ġranet li ġejjin.”
L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu nnutat ukoll li fl-aħħar jiem żdied servizz importanti ieħor għall-gżira Għawdxija.
Muscat tenna: “Il-fatt ukoll illi kellna titjib fl-aċċessibilità bejn Malta u Għawdex permezz tal-introduzzjoni tal-fast ferry, naħseb illi huwa fattur pożittiv għaliex diġà rajna kemm turisti barranin kif ukoll anki xi wħud Maltin li jużaw dan is-servizz biex qasmu minn Malta għal Għawdex.”