Il-Yachting Malta Coastal Race, organizzata mir-Royal Malta Yacht Club, offriet spettaklu drammatiku l-Erbgħa, 16 ta’ Ottubru, b’56 jott jiġġieldu għar-rebħa taħt kundizzjonijiet ideali għat-tlielaq. It-tiġrija bdiet fil-ħin preċiż fis-9:30 fuq rotta ta’ 19-il mil nawtiku lejn il-Munxar, post popolari ħafna qalb il-komunta tal-bugħaddasa lejn il-lvant ta’ Malta.
L-ikbar jott fil-flotta, il-Maxi 72 Balthasar, ko-kaptanat mill-leġġenda tat-tiġrijiet tal-oċean Stu Bannatyne u s-sajjied Olandiż Rogier van Overveld, rebaħ il-Line Honours b’ħin ta’ sagħtejn, 38 minuta, u tmien sekondi. Balthasar kompla jirbaħ il-Klassi IRC 2 fuq korrezzjoni ta’ ħin.
L-eċċitament veru, madankollu, kien riżervat għall-ġlieda għar-rebbieħ ġenerali ddeterminat minn korrezzjoni tal-ħin IRC. Il-jott Ġermaniż X-Day ta’ Walter Watermann, misjuq minn Lars Hückstädt, deher bħala r-rebbieħ proviżorju b’marġni żgħir—biss żewġ sekondi. Warajħ kien il-jott J/112 Jedi ta’ Peter Lezhnin mill-Każakstan, li kiseb it-tieni post ġenerali u l-ewwel post fil-Klassi IRC 5.
“Kienet tiġrija tajba u ninsabu kuntenti ħafna bir-riżultat,” stqarr Lars Hückstädt “Biex ġibna lil X-Day lejn Malta kien ta’ ħafna sforz. Għamilna vjaġġ minn Marseille u qsamna madwar 600 mil. It-tiġrija tal-lum kienet preparazzjoni ideali għar-Rolex Middle Sea Race b’ħafna manuvri, li tassew għamlu l-ekwipaġġ jaħdem flimkien b’mod perfett.” Il-prestazzjoni eċċezzjonali ta’ X-Day kisbet ukoll il-Klassi IRC 3.
Il-kontestazzjoni biex tkun l-aqwa jott Malti laħqet ukoll kienet eċċitanti. Il-jott tal-familja Podesta, Elusive 2, kien l-ewwel jott Malti li spiċċat it-tellieqa. Elusive 2 qabeż biss id-Dufour 44 Tonton Laferla ta’ Jonathan Gambin. Wara l-korrezzjoni tal-ħin IRC, Elusive 2 żamm il-vantaġġ tiegħu u rebaħ il-Klassi IRC 4 u d-dwel Malti b’marġni strett ieħor ta’ seba’ sekondi. Il-flotta lokali kellha aktar biex tiċċelebra hekk kif Vivace ta’ Andrew Agius Delicata, rebaħ il-Klassi IRC 6.
“Dejjem kien hemm kompetizzjoni qawwija bejn il-jottijiet Maltin,” qal Aaron Podesta ta’ Elusive 2. “Bit-timijiet internazzjonali ewlenin ġejjin hawn għar-Rolex Middle Sea Race, il-livell dejjem jogħla u huwa sabiħ li tara l-baħħara żgħażagħ Maltin jitjiebu wkoll. Illum kienet esperjenza ta’ tagħlim importanti għalina u issa ninsabu ħerqana biex ntellqu nhar is-Sibt.”
Grupp ta’ Class40 waslu Malta biex jieħdu sehem fir-Rolex Middle Sea Race u t-tellieqa tal-llum pprovdiet battalja bikrija għal erbgħa jottijiet trans-oċeani. L-ewwel ma spiċċa kien il-jott Centrakor, ta’ Mikael Mergui. Fit-tieni post kien it-Taljan Matteo Sericano fuq Lucente. Fit-tielet kien ukoll tim Taljan, Influence 2, ta’ Andrea Fornaro.
L-56 jott minn madwar id-dinja ffurmaw spettaklu impressjonanti fil-Port ta’ Marsamxett qabel ma bdiet it-tiġrija.
Serata tal-Premjazzjoni Yachting Malta Coastal Race se ssir illejla ġewwa San Ġiljan. Sadanittant, l-eċċitament ikompli jibni għad-45 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race, li tibda fis-1100 CEST nhar is-Sibt, 19 ta’ Ottubru, fil-port il-kbir.