Id-diskors imqanqal li għamel nhar is-Sibt Robert Arrigo fl-aħħar jum tiegħu fil-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jqanqal aktar ilmijiet u ġlied f’Tal-Pietà.
L-ex-deputat Nazzjonalista Mario Galea, ħareġ pubblikament jesprimi l-appoġġ tiegħu li Arrigo.
F’kumment li tella’ fuq il-paġna tiegħu fuq il-Facebook, Galea tenna dak li kien qal wara li rriżenja mill-Partit fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali li għaddiet, li Bernard Grech u t-tmexxija tiegħu għamlu ħajjet ċerti deputati tal-PN stess infern.
Mari Galea kiteb: “Robert Arrigo hu l-aħħar wieħed minn lista twila ta’ nies li spiċċaw għaddew minn infern taħt it-tmexxija tal-PN ta’ ifred u saltan. Ma stajtx ma nurix solidarjetà ma’ sieħbi Robert Arrigo. Kif irriżenjajt kont għidt li s-sitwazzjoni fil-PN hija velenuża. Flok niġbdu nies ġodda lejn il-PN spiċċajna nnaffru lil min ta ħajtu u saħħtu għall-partit. Grazzi ħafna u kurġġ, għażiż sieħbi Robert.”
Nhar is-Sibt, Robert Arrigo esprima l-uġħigħ tiegħu dwar kif ġie ttrattat mit-tmexxija tal-PN. Sostna li huwa twarrab u qalulu li huwa tajjeb biss biex jiġbor il-flus.
Kienu bosta dawk il-partitarji Nazzjonalisti li rreaġixxew għall-kumment li kiteb Mario Galea. Ħarġet ċara l-korla kontra t-tmexxija attwali tal-Partit.
Waħda minn dawk li kitbet, li qalet li taf lid-deputat Ivan Bartolo tal-Mosta, qalet li għalkemm hu ma jgħid xejn fuq is-sitwazzjoni nnutat ħafna silenzju u li nbidel man-nies.
Qalet li taf li qed ikollu ħafna swied ta’ qalb u li għalqulu kull mezz biex ma jitkellem imkien, u din ċertament li weġġgħatu. Hija qalet li, filwaqt li dawk li huma l-vittmi ta’ din il-politika tat-tmexxija tal-Partit qed jgħumu, min għamel din il-ħsara għad jegħreq.
Ieħor kiteb li din l-istorja ilha sejra u ħraxet bil-ħdura u l-mibgħeda minn meta ma aċċettawx lil Adrian Dela bħala Kap. Huwa qal li l-unika soluzzjoni li jara hija li l-PN jinqasam għax it-tmexxija li hemm mhix se titlaq.