KAPPILLAN ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TAL‑IMQABBA
L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l‑ħidma pastorali tal‑parroċċa ta’ Santa Marija fl‑Imqabba f’idejn Dun Blake Camilleri bħala l‑kappillan ta’ din il‑parroċċa. Mons. Arċisqof jirringrazzja lil Dun John Philip Curmi tal‑ħidma tiegħu bħala kappillan f’din il‑parroċċa għal dawn l‑aħħar 10 snin.
Dun Blake Camilleri twieled fit‑8 ta’ Mejju 1984. Beda l‑mixja għas‑saċerdozju fis‑Seminarju Maġġuri tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù fir‑Rabat u studja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija. Kiseb ukoll Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Fl‑2015 kompla l‑istudji tiegħu fil‑Diplomazija u Liġi Kanonika fl‑Accademia Pontificia Ecclesiastica f’Ruma.
Dun Blake ġie ordnat saċerdot fit‑23 ta’ Ġunju 2010. Matul is‑snin huwa ġie fdat dawn il‑ħidmiet: djaknu u mbagħad viċi arċipriet fil‑parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema fil‑Mosta (2009‑2015); viċi arċipriet fil‑parroċċa ta’ Ħaż‑Żebbuġ (2017); u kappillan ta’ Tal‑Ibraġ (2017‑2024). Fl‑2023 huwa nħatar bħala eżorċista awżiljarju.
Il‑parroċċa ta’ Santa Marija fl‑Imqabba tiġbor fiha madwar 3,500 persuna.
KAPPILLAN ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TAL‑KALKARA
L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l‑ħidma pastorali tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp fil‑Kalkara f’idejn Dun Nicholas Pace bħala l‑kappillan ta’ din il‑parroċċa.
Dun Nicholas twieled fl‑1 ta’ Diċembru 1961. Beda l‑mixja għas‑saċerdozju fis‑Seminarju Maġġuri tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù fir‑Rabat u studja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija.
Dun Nicholas Pace ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta’ Lulju 1988. Matul is‑snin ġie fdat dawn il‑ħidmiet: viċi kappillan tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara (1988‑1993); viċi arċipriet fil‑parroċċa ta’ Ħaż‑Żabbar (1993‑1995); kappillan fil‑parroċċa ta’ Ħal Safi (1995‑2000); kappillan ta’ Birżebbuġa (2000‑2013); u arċipriet tal‑parroċċa taż‑Żejtun (2013‑2023).
Il‑parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara tiġbor fiha madwar 3,100 persuna.
KAPPILLAN ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TA’ TAL‑IBRAĠ
L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l‑ħidma pastorali tal‑parroċċa ta’ Marija Immakulata Omm il‑Knisja f’Tal‑Ibraġ f’idejn Dun Brian Gialanzè bħala l‑kappillan ta’ din il‑parroċċa.
Dun Brian Gialanzè twieled fit‑30 ta’ Jannar 1974. Beda l‑mixja għas‑saċerdozju fis‑Seminarju Maġġuri tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù fir‑Rabat u studja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija. Kiseb ukoll Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Bħalissa qed ikompli l‑istudji tiegħu fis‑Soċjoloġija fl‑Università ta’ Malta. Jagħmel parti mill‑grupp Colloquium of European Parishes.
Dun Brian ġie ordnat saċerdot fl‑1 ta’ Lulju 2014. Matul is‑snin huwa ġie fdat dawn il‑ħidmiet: djaknu fil‑parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid (2014); viċi kappillan fil‑parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi (2015‑2017); chaplain fil‑Kulleġġ San Injazju (2015‑2017); u kappillan tal‑parroċċa tal‑Kalkara (2017‑2024).
Il‑parroċċa ta’ Marija Immakulata Omm il‑Knisja f’Tal‑Ibraġ tiġbor fiha madwar 13,000 persuna.
AMMINISTRATUR PARROKKJALI ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TAL‑BALLUTA
L‑Arċisqof Charles Scicluna se jafda t‑tmexxija tal‑ħidma pastorali tal‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu fil‑Balluta f’idejn Dun Joshua Cortis, li se jkun l‑amministratur parrokkjali ġaladarba l‑kura pastorali ta’ din il‑parroċċa tgħaddi minn idejn l‑Ordni Karmelitan għal għand l‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Dun Joshua Cortis twieled fit‑23 ta’ Diċembru 1987. Wara li ggradwa b’Baċellerat fil‑Kimika u l‑Bijoloġija, beda l‑mixja għas‑saċerdozju fis‑Seminarju Maġġuri tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù fir‑Rabat u studja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija. Kiseb ukoll Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali.
Dun Joshua ġie ordnat saċerdot nhar it‑8 ta’ Mejju, 2021. Matul is‑snin ġie fdat dawn il‑ħidmiet: djaknu u bħala viċi kappillan f’San Ġiljan (2020‑2024); u direttur spiritwali tal‑Iskola Nazzjonali tal‑Isport f’Pembroke (2022‑2024).
Il‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu fil‑Balluta tiġbor fiha madwar 5,200 persuna.