“Bdiet tinkwieta ħafna, kellha anzjetà u tensjoni kbira tant li t-tabib taha l-kalmanti minħabba dan l-iżvilupp.”
Xehdet dan Ivana Portelli, bint Miriam Pace, l-omm ta’ 54 sena li spiċċat mirduma taħt it-tifrik u tilfet ħajjitha.
Erba’ xhur wara dan il-każ traġiku quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni kontra l-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena, il-kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena u Nicholas Spiteri ta’ 42 sena ħaddiem li jaħdem mal-kuntrattur.
Huma qed jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace u kkaġunaw ħsarat fuq proprjetà privata fost akkużi oħra.
Bint il-vittma, Ivana Portelli qalet li f’April 2018 hija ma baqgħetx tgħix fir-residenza fi Triq Joseph Abela Scolaro l-Ħamrun.
Qalet li ommha bdiet tinkwieta ħafna meta semgħet li l-ġnien ta’ ħdejhom inbiegħ.
Spjegat kif il-ġenituri tagħha bdew jaħsbu biex jitilqu minn dik id-dar li kienu ilhom jgħixu fiha minn meta żżewġu. B’waħda mir-raġunijiet għaliex bdew jaħsbu biex jitliqu minn darhom kien minħabba dan l-iżvilupp għax kienu anki se jitilfu l-veduta li kellhom minn fuq il-bejt.
Irrakontat kif il-biża’ kibret meta beda ix-xogħol. Ivana xehdet kif meta bdew ix-xogħlijiet ommha bagħtitilha fuq whats app, “Bdejna, itlob għalina.”
Ftit wara Miriam reġgħet bagħtet: “Qed nibża ħafna, id-dar qed titriegħed.”
Irrakontat kif ommha niżlet tkellem lill-iżviluppatur Malcom Mallia u ftehmu li ssir laqgħa. Il-laqgħa saret iżda Ivana qalet li hi ma kinitx preżenti hekk kif marru biss il-ġenituri tagħha. Il-bint qalet li wara din il-laqgħa ommha irrakkontatilha li qalulhom li se jsir test fuq il-blat, iżda ma jafux jekk dan it-test sarx.
“Il-biża’ ta’ ommi bdiet tikber, anki minħabba inċidenti li kienu ġraw. Ġiet riferuta għand psikologu. Kellha l-appuntament fl-aħħar ta’ Marzu, imma ovvjament ma marritx għax mietet”, xehdet Ivana.
L-avukat Roberto Montaldo li qed jidher għall-kuntrattur qal li Ludvic Dimech irrefera għall-applikazzjoni li tressqet quddiem il-qorti sabiex jieħu lura l-apparat li tħalla fis-sit tal-kostruzzjoni.
Il-Maġsitrat Joseph Mifsud wieġbu: “Il-vetturi u l-makkinarju jmorru u jiġu, imma l-ħajja ma tmurx u tiġi.”