Ftit qabel it-tmienja ta’ filgħodu ta’ tmenin sena ilu, l-iskrejjen tal-ajruplani militari Ġappuniżi bdew jinstemgħu jvenvnu fil-bogħod.
Ftit wara, massakru.
Aktar minn elfejn u erba’ mitt ċittadin Amerikan inqatlu fil-bażi navali Amerikana f’Pearl Harbor f’Honolulu, fil-Hawaii jew viċin.
L-attakk ħasad lill-Amerka, li dak iż-żmien, waqt it-tieni gwerra dinjija, kienet għadha pajjiż newtrali.
L-għada, l-Amerka daħlet fi gwerra b’diskors li jibqa’ jissemma mill-President Amerikan Franklin Roosevelt, fil-Kungress Amerikan.
Qal, “No matter how long it may take us to overcome this premeditated invasion, the American people in their righteous might will win through to absolute victory.”
Il-qawwiet tal-Imperatur Ġappuniż kienu attakkaw l-Istati Uniti bħala prevenzjoni biex il-flotta Amerikana ma tavvanzax.
Fl-attakk mill-ajru, il-Ġappuniżi kienu qerdu bosta bastimenti tal-gwerra Amerikani.
Fost l-oħrajn inqerdu tliet destroyers u bastiment ieħor kien spiċċa għereq.
Fl-attakki kienu nqerdu wkoll mal-mija u tmienja u tmenin ajruplan.
L-ajruplani Ġappuniżi kienu tefgħu bosta torpedoes li kienu apposta biex jiġru f’baħar baxx.
Magħhom kienu attakkaw lill-flotta Amerikana bosta sub-marines.
L-attakk baqa’ jissemma għall-fatt li kien wieħed sorpriża u ma saritx dikjarazzjoni ta’ gwerra qabel.
Il-Ġappuniżi u d-dinja kienu ħallsu prezz qares.
Lejn l-aħħar tat-tieni gwerra dinjija, il-qawwiet Amerikani kienu tefgħu żewġ bombi nukleari fil-bliet Ġappuniżi ta’ Hiroshima u Nagaski.
Iż-żewġ attakki kienu fissru tebgħa fuq l-umanità li m’għandhiex bżonn il-gwerra biex issolvi d-differenzi.
Eluf kienu ħallsu b’ħajjithom u l-weġgħa tibqa’.