Bħalissa qed jiġu stampati l-kotba tal-ħdax-il edizzjoni ta’ “Tisjir mill-Qalb”, bi tmenin riċetta mill-pinna ta’ sittax-il kok lokali, fosthom kokijiet li ssemmew fil-gwida tal-Michelin.
Bħal kull sena, il-qligħ kollu minn dan il-ktieb tar-riċetti li se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin, se jmur b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
“Tisjir mill-Qalb” jikkonsisti fi kważi mitejn paġna, u se jkun ippubblikat bil-Malti u bl-Ingliż.
Waqt żjara lill-ħaddiema li qed jaħdmu fuq l-istampar tal-ktieb, il-President George Vella radd ħajr lill-kokijiet u s-sidien ta’ ristoranti li mill-ewwel qablu li jagħtu l-kontribut tagħhom.
Huwa ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex jikseb kopja ta’ dan il-ktieb għaliex fl-istess waqt li jkun qed jikseb riċetti li jolqtu t-togħma ta’ kulħadd, ikun qed jagħti wkoll kontribut lil Fondazzjoni li teħtieġ il-ġenerożità tan-nies mhux biss fil-Milied iżda matul is-sena kollha, partikolarment din is-sena.
Il-ktieb “Tisjir mill-Qalb” jista’ jinxtara minn diversi ħwienet tal-merċa, ħwienet ewlenin tal-kotba f’Malta u Għawdex, kif ukoll mill-Kitchen Garden, mill-Palazz Presidenzjali tal-Belt u mill-Palazz ta’ Sant Anton.