Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-HSBC UK Contact Centre fis-Swatar se jara li jimpjega mat-tmenin impjegat ġdid.
Riżultat, tgħid il-kumpanija, li wasal grazzi għall-ħidma sfiqa tal-istess kumpanija f’Malta, u l-ħiliet tal-ħaddiema tagħha.
Svetlana Mountjoy – Maniġer f’din il-kumpanija – spjegatilna li kull impjegat jingħata ħdax-il ġimgħa taħriġ biex ikunu jista’ jaqdu bl-aqwa mod lill-klijenti tal-kumpanija fl-Ingilterra.
Il-kumpanija ilha f’pajjiżna ftit iktar minn għaxar snin, u llum timpjega ’l fuq minn erba’ mitt impjegat, madwar nofshom Maltin.
Hekk kif ħidmet dan iċ-ċentru qed twassal għal riżultati pożittivi, l-ammont ta’ xogħol f’pajjiżna mitlub mill-kwartieri ġenerali Ingliżi qiegħed jiżdied tant li infetħet din is-sejħa għal tmenin ħaddiem ġdid.
Staqsejna lil Mountjoy xi kwalitajiet ifittxu fil-ħaddiema tagħhom; l-istess kwalitajiet li għenuhom jiksbu s-suċċessi tul dawn l-għaxar snin.
Temmet tgħid li min-naħa tagħha l-kumpanija tagħmel mill-aqwa tagħha biex taqdi l-ħtiġijiet anke tal-impjegati u toffrilhom pakkett ta’ inċentivi. Inċentivi li jgħinu lill-ħaddiema jkunu iktar kuntenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u jħarsu ’l quddiem li jkomplu jwettqu ħidmiethom bl-aqwa mod.