“Inħossni Tajjeb Biex Insuq? Asal Id-Dar!”
Transport Malta varat kampanja dwar is-sigurtà fit-toroq waqt iż-żmien il-festi. Din il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar sewqan responsabbli u tnaqqas l-inċidenti tat-traffiku kkawżati minn sewqan eċċessiv, traskurat, taħt l-influwenza tal-alkoħol jew sustenzi illeċiti.
Din hija l-kampanja hija l-ewwel minn sensiela ta’ kampanji edukattivi dwar is-sigurtà fit-toroq, li fiż-żmien li ġej se tinkludi wkoll it-tnedija tal-Malta Road Safety Code.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għat-Trasport Chris Bonnet enfasizza l-importanza ta’ din il-kampanja.
“Aħna se nkunu qed nuru lin-nies li nirrispettaw lil xulxin, hija l-aqwa ħaġa u din mhux kampanja edukattiva ta’ darba. Il-kampanji edukattivi se jibqgħu għaddejin għax nemmnu li l-edukazzjoni u r-rispett lejn xulxin hija l-bażi ta’ kollox fit-toroq tagħna.”
Il-Ministru Chris Bonett
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia żied jgħid li s-sigurtà fit-toroq hija responsabbiltà kondiviża u l-kampanja se tiffoka fuq l-edukazzjoni lill-pubbliku.
Skont statistika mill-European Road Observatory, matul din is-sena, Malta hija fost l-aqwa tliet pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bl-inqas rata ta’ mwiet fit-toroq għal kull miljun resident.
Pajjiżna ukoll naqqas il-fatalitajiet b’44% din is-sena meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, b’rata ta’ 30 fatalità għal kull miljun resident – ferm taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 46. Dan ir-riżultat juri l-impenn kontinwu ta’ Transport Malta li ttejjeb is-sigurtà tat-toroq minkejja żieda fil-kolliżjonijiet, xejra li qed tidher f’pajjiżi oħra Ewropej.